- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 14 ta’ April 2022
Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina qiegħda tikkawża tbatija enormi. Qiegħda taffettwa wkoll l-ekonomija, fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-kunflitt u l-inċertezza assoċjata qed ikunu ta’ piż kbir fuq il-fiduċja tan-negozji u l-konsumaturi. It-tfixkil fil-kummerċ qed iwassal għal nuqqasijiet ġodda ta’ materjali u fatturi ta’ produzzjoni. Iż-żieda dejjem tikber fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-komoditajiet qed inaqqsu d-domanda u jżommu lura l-produzzjoni. Kif se tiżviluppa l-ekonomija se jiddependi fuq kif jevolvi l-kunflitt, fuq l-impatt tas-sanzjonijiet attwali u fuq miżuri ulterjuri possibbli. Fl-istess ħin, l-attività ekonomika għadha qed tiġi appoġġjata mill-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija wara l-fażi tal-kriżi tal-pandemija. L-inflazzjoni żdiedet b'mod sinifikanti u se tibqa' għolja fix-xhur li ġejjin, l-aktar minħabba ż-żieda qawwija fl-ispejjeż tal-enerġija. Il-pressjonijiet tal-inflazzjoni intensifikaw f'ħafna setturi.
Fil-laqgħa tal-lum aħna qisna li d-data li waslet mill-aħħar laqgħa tagħna ssaħħaħ l-istennija tagħna li x-xiri ta’ assi nett taħt il-programm tagħna ta' xiri ta’ assi (APP) għandu jiġi konkluż fit-tielet trimestru. B’ħarsa ’l quddiem, il-politika monetarja tal-BĊE se tiddependi fuq id-data li tidħol u l-valutazzjoni li qed tevolvi mill-Kunsill Governattiv tal-prospetti. Fil-kundizzjonijiet attwali ta’ inċertezza għolja, il-Kunsill Governattiv se jżomm l-għażla, il-gradwaliżmu u l-flessibbiltà fit-tmexxija tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv se jieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jitwettaq il-mandat tal-BĊE biex ifittex l-istabbiltà tal-prezzijiet u biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjegaw il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
L-ekonomija taż-żona tal-euro kibret b’0.3 fil-mija fl-aħħar trimestru tal-2021. Huwa stmat li t-tkabbir baqa’ dgħajjef matul l-ewwel trimestru tal-2022, l-aktar minħabba restrizzjonijiet relatati mal-pandemija.
Diversi fatturi jindikaw tkabbir bil-mod ukoll fil-perjodu li ġej. Il-gwerra diġà qed tkun ta’ piż fuq il-fiduċja tan-negozji u l-konsumaturi, inkluż permezz tal-inċertezza li ġġib magħha. Bil-prezzijiet tal-enerġija u tal-komoditajiet qed jogħlew bil-qawwa, l-unitajiet domestiċi qed jiffaċċjaw żieda fl-għoli tal-ħajja u d-ditti qed iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż ogħla ta’ produzzjoni. Il-gwerra ħolqot ostakli ġodda, filwaqt li sett ġdid ta’ miżuri pandemiċi fl-Asja qed jikkontribwixxi għal diffikultajiet fil-katina tal-provvista. Xi setturi qed jiffaċċjaw diffikultajiet li qed jikbru biex jiksbu l-fatturi ta’ produzzjoni tagħhom, u dan qed ifixkel il-produzzjoni. Madankollu, hemm ukoll fatturi ta’ kumpens li jsostnu l-irkupru li għaddej, bħal miżuri fiskali kumpensatorji u l-possibbiltà għall-unitajiet domestiċi li jużaw it-tfaddil li akkumulaw matul il-pandemija. Barra minn hekk, il-ftuħ mill-ġdid ta’ dawk is-setturi l-aktar milquta mill-pandemija u suq tax-xogħol b’saħħtu b’aktar nies f’impjiegi se jkomplu jappoġġjaw id-dħul u l-infiq.
L-appoġġ tal-politika fiskali u monetarja għadu kritiku, speċjalment f'din is-sitwazzjoni ġeopolitika diffiċli. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni b'’uċċess tal-pjanijiet ta' investiment u riforma taħt il-programm tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss se taċċellera t-tranżizzjonijiet tal-enerġija u ħodor. Dan għandu jgħin biex itejjeb it-tkabbir u r-reżiljenza fit-tul fiż-żona tal-euro.
L-inflazzjoni
L-inflazzjoni żdiedet għal 7.5 fil-mija f’Marzu, minn 5.9 fil-mija fi Frar. Il-prezzijiet tal-enerġija għolew wara li faqqgħet il-gwerra u issa qegħdin 45 fil-mija ’l fuq mil-livell tagħhom ta' sena ilu. Ikomplu jkunu r-raġuni ewlenija għar-rata għolja ta’ inflazzjoni. Indikaturi bbażati fuq is-suq jissuġġerixxu li l-prezzijiet tal-enerġija se jibqgħu għoljin fiż-żmien qrib iżda mbagħad jimmoderaw sa ċertu punt. Il-prezzijiet tal-ikel ukoll żdiedu sew. Dan huwa dovut għall-ispejjeż elevati tat-trasport u l-produzzjoni, notevolment il-prezz ogħla tal-fertilizzanti, li huma parzjalment relatati mal-gwerra fl-Ukrajna.
Iż-żidiet fil-prezzijiet saru wkoll aktar komuni. L-ispejjeż tal-enerġija qed iżidu l-prezzijiet f'ħafna setturi. L-ostakli fil-provvista u n-normalizzazzjoni tad-domanda hekk kif l-ekonomija terġa’ tiftaħ ukoll ikomplu jpoġġu pressjoni ’l fuq fuq il-prezzijiet. Miżuri tal-inflazzjoni sottostanti żdiedu għal livelli ’l fuq minn tnejn fil-mija fl-aħħar xhur. Huwa inċert kemm se tkun persistenti ż-żieda f’dawn l-indikaturi, minħabba r-rwol ta’ fatturi temporanji relatati mal-pandemija u l-effetti indiretti ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija.
Is-suq tax-xogħol qed ikompli jitjieb, bil-qgħad niżel għal livell baxx storiku ta’ 6.8 fil-mija fi Frar. Postijiet ta’ impjiegi f’ħafna setturi għadhom jindikaw domanda robusta għax-xogħol, iżda b'mod ġenerali t-tkabbir fil-pagi għadu baxx. Maż-żmien, ir-ritorn tal-ekonomija għall-kapaċità sħiħa għandu jappoġġja tkabbir aktar mgħaġġel fil-pagi. Filwaqt li diversi miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fit-tul derivati mis-swieq finanzjarji u minn stħarriġ tal-esperti fil-biċċa l-kbira jammontaw għal madwar tnejn fil-mija, sinjali inizjali ta’ reviżjonijiet ogħla mill-mira f’dawk il-miżuri jiġġustifikaw monitoraġġ mill-qrib.
Valutazzjoni tar-riskji
Ir-riskji negattivi għall-prospetti tat-tkabbir żdiedu sostanzjalment bħala riżultat tal-gwerra fl-Ukraina. Filwaqt li r-riskji relatati mal-pandemija naqsu, il-gwerra jista’ jkollha effett saħansitra aktar qawwi fuq is-sentiment ekonomiku u tista’ tkompli taggrava r-restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista. Spejjeż tal-enerġija għoljin b'mod persistenti, flimkien ma’ telf ta’ fiduċja, jistgħu jtappnu d-domanda u jirrestrinġu l-konsum u l-investiment iktar milli mistenni.
Iż-żieda fir-riskji madwar il-prospetti għall-inflazzjoni intensifikaw ukoll, speċjalment fiż-żmien qrib. Ir-riskji għall-prospetti tal-inflazzjoni fuq terminu medju jinkludu ċaqliq ’il fuq mill-mira fl-aspettattivi tal-inflazzjoni, żidiet fil-pagi ogħla minn dawk antiċipati u deterjorament fit-tul tal-kundizzjonijiet min-naħa tal-provvista. Madankollu, jekk id-domanda tiddgħajjef fuq medda medja ta’ żmien, dan inaqqas il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Is-swieq finanzjarji kienu volatili ħafna minn meta bdiet il-gwerra u ġew imposti sanzjonijiet finanzjarji. Ir-rati tal-imgħax tas-suq żdiedu bi tweġiba għall-prospetti li qegħdin jinbidlu għall-politika monetarja, l-ambjent makroekonomiku u d-dinamika tal-inflazzjoni. L-ispejjeż tal-finanzjament tal-banek komplew jiżdiedu. Fl-istess ħin, s’issa ma kien hemm l-ebda tensjoni kbira fis-swieq tal-flus, u lanqas nuqqas ta’ likwidità fis-sistema bankarja taż-żona tal-euro.
Għalkemm baqgħu f'livelli baxxi, ir-rati tas-self bankarju għad-ditti u l-unitajiet domestiċi bdew jirriflettu ż-żieda fir-rati tal-imgħax tas-suq. Is-self lill-unitajiet domestiċi baqa’ sod, speċjalment għax-xiri tad-djar. Il-flussi ta’ self lid-ditti stabbilizzaw.
L-aktar stħarriġ reċenti tagħna dwar is-self bankarju jgħid li l-istandards tal-kreditu għal self lil ditti u għal self għall-unitajiet domestiċi saru aktar ristretti b’mod ġenerali fl-ewwel trimestru tas-sena, hekk kif is-selliefa qed isiru aktar imħassbin dwar ir-riskji li jiffaċċjaw il-klijenti tagħhom f’ambjent inċert. L-istandards tal-kreditu huma mistennija li jsiru aktar ristretti fix-xhur li ġejjin, hekk kif il-banek iqisu l-impatt ekonomiku negattiv tal-aggressjoni tar-Russja lejn l-Ukrajna u prezzijiet ogħla tal-enerġija.
Konklużjoni
Fil-qosor, il-gwerra fl-Ukraina se taffettwa b’mod negattiv l-ekonomija taż-żona tal-euro u żiedet l-inċertezza b’mod sinifikanti. L-impatt tal-gwerra fuq l-ekonomija se jiddependi fuq kif jevolvi l-kunflitt, fuq l-impatt tas-sanzjonijiet attwali u fuq miżuri ulterjuri possibbli. L-inflazzjoni żdiedet b'mod sinifikanti u se tibqa' għolja fix-xhur li ġejjin, l-aktar minħabba ż-żieda qawwija fl-ispejjeż tal-enerġija. Aħna attenti ħafna għall-inċertezzi attwali u qed nissorveljaw mill-qrib id-data li tidħol fir-rigward tal-implikazzjonijiet tagħha għall-prospetti tal-inflazzjoni fuq terminu medju. Il-kalibrazzjoni tal-politiki tagħna se tibqa’ tiddependi mid-data u tirrifletti l-valutazzjoni tagħna li qed tevolvi tal-prospetti. Aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fil-mandat tagħna, bl-inkorporazzjoni tal-flessibbiltà jekk meħtieġ, biex niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq żmien medju.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja