Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Elementi tad-disinn

Xbihat arkitettoniċi

Id-disinn tas-sensiela Europa hu bbażat fuq it-tema "żminijiet u stili” tal-ewwel sensiela. Madankollu, il-karti tal-flus il-ġodda ġew modifikati biex jingħataw bixra ġdida u firxa ta' karatteristiċi tas-sigurtà ġodda u mtejba, li se jgħinu wkoll biex b'mod faċli ssir distinzjoni bejn iż-żewġ sensiliet.

Reinhold Gerstetter, disinjatur indipendenti tal-karti tal-flus minn Berlin, intgħażel biex jagħti bixra ġdida lid-disinn tal-karti tal-flus.

Fuq in-naħa ta' quddiem taż-żewġ sensiliet ta' karti tal-flus tal-euro jidhru twieqi u bibien. Dawn jissimbolizzaw l-ispirtu Ewropew ta’ onestà u kooperazzjoni. Il-pontijiet fuq in-naħa ta’ wara jissimbolizzaw il-komunikazzjoni bejn il-popli tal-Ewropa u bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja.

L-istess bħal fl-ewwel sensiela, fuq il-karti tal-flus il-ġodda tas-sensiela Europa jidhru stili arkitettoniċi mis-seba’ perijodi tal-istorja tal-Ewropa, iżda mhux monumenti jew pontijiet attwalment eżistenti. L-istili huma kif ġej:

  • €5: Klassiku
  • €10: Romanesk
  • €20: Gotiku
  • €50: Rinaxximentali
  • €100: Barokk u rokokò
  • €200: Arkitettura tal-ħadid u l-ħġieġ tas-seklu 19

Mappa tal-Ewropa

Rappreżentazzjoni ġeografika tal-Ewropa tidher fuq in-naħa ta' wara taż-żewġ sensiliet tal-karti tal-flus tal-euro. Is-sensiela Europa għandha mappa aġġornata tal-Ewropa li tinkludi lil Malta u lil Ċipru. Fil-kaxxi ż-żgħar fejn in-naħa t’isfel tal-karta tal-flus jidhru l-Gżejjer Kanarji u xi territorji barranin ta' Franza fejn l-euro jintuża wkoll. Ġżejjer żgħar ħafna ma jidhrux fuq il-karti tal-flus għaliex ma jistgħux jiġu riprodotti b'mod preċiż bl-użu tal-istampar offset f'ammonti kbar.

Kuluri

Kull karta tal-flus għandha kulur distint ħafna. Il-karti tal-flus tas-sensiela Europa huma tal-istess kulur bħal dawk tal-ewwel sensiela: i.e. griż għal 5, aħmar għal 10, blu għal 20, oranġjo għal 50, aħdar għal 100 u kannella jagħti fl-isfar għal 200.

Elementi oħra tad-disinn huma:

  • l-isem tal-munita – euro – kemm bl-alfabett Latin (EURO) kif ukoll bl-alfabett Grieg (EYPΩ) għall-ewwel sensiela; is-sensiela Europa għandha wkoll l-isem bl-alfabett Ċirilliku (EBPO) wara li l-Bulgarija ssieħbet mal-UE;
  • l-inizjali tal-Bank Ċentrali Ewropew f'disa' varjanti lingwistiċi għall-karti tal-flus il-ġodda tal-5, 10 u 20 u f'għaxar varjanti lingwistiċi għall-karti tal-flus il-ġodda tal-50, 100, 200, wara s-sħubija tal-Kroazja fl-UE fl-2013. It-taqsiriet huma stampati skont l-ordni protokollari tal-UE għall-pajjiżi u l-lingwi uffiċjali.
    • BCE (Franċiż, Irlandiż, Taljan, Portugiż, Rumen, Spanjol)
    • ECB (Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Latvjan, Litwan, Slovakk, Sloven, Svediż)
    • ЕЦБ (Bulgaru)
    • EZB (Ġermaniż)
    • EKP (Estonjan, Finlandiż)
    • EKT (Grieg)
    • ESB (Kroat)
    • EKB (Ungeriż)
    • BĊE (Malti)
    • EBC (Pollakk)
  • is-simbolu © li jindika l-ħarsien tad-dritt tal-awtur; u
  • l-bandiera tal-UE.

Bħal fil-każ tal-karti tal-flus tal-ewwel sensiela, persuni neqsin mid-dawl ġew ikkonsultati fil-fażi tad-disinn tas-sensiela Europa u dan wassal biex daħlu karatteristiċi speċifiċi fid-disinji finali.

Firem

Kull karta tal-flus fiha l-firma jew ta' Willem F. Duisenberg, jew ta' Jean-Claude Trichet jew ta' Mario Draghi – li huma l-ewwel, it-tieni u t-tielet President tal-Bank Ċentrali Ewropew rispettivament. Dawn il-karti tal-flus huma kollha ugwalment validi.

L-ewwel sensiela

Willem F. Duisenberg
Jean-Claude Trichet
Mario Draghi

Is-sensiela Europa

Mario Draghi
Christine Lagarde

Numri tas-serje fuq il-karti tal-flus tas-sensiela Europa

In-numri tas-serje ta’ din is-sensiela huma ż-żewġ numri stampati fuq in-naħa ta’ wara tal-karta tal-flus: numru orizzontali stampat bl-iswed u numru vertikali stampat b’kulur differenti.

In-numru orizzontali hu magħmul minn żewġ ittri u għaxar ċifri. L-ewwel ittra tidentifika l-istamperija – ara l-lista hawn taħt. It-tieni ittra m'għandha ebda tifsira partikolari; tintuża sempliċement biex iżżid l-għadd ta' numri tas-serje possibbli.

Stamperiji u ittri

Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique Z
Bank of Greece Y
Giesecke & Devrient GmbH (Munich) X
Giesecke & Devrient GmbH (Leipzig) W
IMBISA V
Banque de France U
Central Bank of Ireland T
Banca d’Italia S
Bundesdruckerei GmbH R
Joh. Enschede Security Printing BV P
Oesterreichische Banknoten und Sicherheitsdruck GmbH N
Valora M
Mhix assenjata L
Mhix assenjata K
De La Rue Currency (Gateshead) J
De La Rue Currency (Loughton) H
Mhix assenjata G
Oberthur Fiduciaire AD (Sofia) F
Oberthur Fiduciaire SAS (Chantepie) E
Polska Wytwórnia Papierów Wartościowych D
Mhix assenjata C
Mhix assenjata B
Mhix assenjata A

Kodiċijiet tal-pajjiżi fuq l-ewwel sensiela tal-karti tal-flus

Il-bank ċentrali li jikkummissjona l-istampar tal-karti tal-flus (li jista’ ma jkunx tal-pajjiż fejn isir l-istampar) hu indikat b’ittra jew kodiċi tal-pajjiż qabel in-numru tas-serje, kif jidher hawn taħt:

Din il-karta tal-flus partikolari, li fiha l-ittra ‘S’, ġiet stampata għall-Banca d’Italia. Il-kodiċijiet tal-pajjiżi jidhru hawn taħt.

Kodiċijiet tal-pajjiżi

¹ Karti tal-flus tal-euro maħruġa mill-Banque centrale du Luxembourg li għadhom ma ħarġux fiċ-ċirkolazzjoni għandhom il-kodiċi tal-banek ċentrali tal-pajjiżi li pproduċew il-karti tal-flus għal-Lussemburgu.
Belġju Z
Ġermanja X
Estonja D
Irlanda T
Greċja Y
Spanja V
Franza U
Italja S
Ċipru G
Latvja C
Litwanja B
Lussemburgu ¹
Malta F
Olanda P
Awstrija N
Portugall M
Slovenja H
Slovakkja E
Finlandja L

Il-paġni kollha f’din it-taqsima