- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 16 ta’ Diċembru 2021
Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
L-ekonomija taż-żona tal-euro qed tkompli tirkupra u s-suq tax-xogħol qed jitjieb, megħjun minn appoġġ politiku abbundanti. It-tkabbir hu moderat imma nistennew li l-attività tirkupra b’mod qawwi matul is-sena d-dieħla. L-aħħar mewġa pandemika u l-varjant Omicron wasslu lil xi pajjiżi biex jintroduċu restrizzjonijiet aktar stretti. Il-prezzijiet tal-enerġija għolew b’mod sinifikanti. U f'xi industriji, hemm nuqqasijiet ta’ materjali, tagħmir u xogħol. Dawn il-fatturi qed irażżnu l-attività ekonomika u huma ta’ ostakolu għall-prospetti fil-qrib. Madankollu, għalkemm il-kriżi tas-saħħa pubblika għadha għaddejja, ħafna nies ġew imlaqqma u l-kampanji għall-boosters aċċelleraw. B'mod ġenerali, is-soċjetà saret aħjar biex tlaħħaq mal-mewġ tal-pandemija u r-restrizzjonijiet li jirriżultaw. Dan naqqas l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomija. L-inflazzjoni żdiedet sew minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, u wkoll minħabba li d-domanda qed tkun akbar mill-provvista ristretta f'xi setturi. L-inflazzjoni mistennija li tibqa’ għolja fil-futur qrib, imma għandha ttaffi matul is-sena d-dieħla. Il-prospetti tal-inflazzjoni ġew irriveduti ’l fuq , imma l-inflazzjoni għadha pproġettata li toqgħod taħt il-mira ta’ tnejn fil-mija tagħna fuq l-orizzont tal-projezzjoni.
Aħna nqisu li l-progress dwar l-irkupru ekonomiku u lejn il-mira tagħna tal-inflazzjoni fuq żmien medju jippermetti tnaqqis pass pass fir-ritmu ta' xiri ta’ assi tagħna matul it-trimestri li ġejjin. Iżda l-akkomodament monetarja għadu meħtieġ għall-inflazzjoni biex tistabbilizza fuq il-mira tal-inflazzjoni tagħna ta' tnejn fil-mija fuq żmien medju. Fid-dawl tal-inċertezza attwali, għandna bżonn inżommu l-flessibilità u l-għażla fit-tmexxija tal-politika monetarja. B’dan f’moħħna, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin:
L-ewwel nett, fl-ewwel trimestru tal-2022, nistennew li nwettqu xiri ta’ assi netti taħt il-programm ta' xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b'pass aktar baxx milli fit-trimestru preċedenti. Aħna se nwaqqfu x-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP fl-aħħar ta' Marzu 2022.
It-tieni nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-orizzont ta' investiment mill-ġdid għall-PEPP. Issa biħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas tmiem l-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
It-tielet nett, il-pandemija wriet li, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà fid-disinn u t-twettiq tax-xiri tal-assi għenet kontra t-trażmissjoni mdgħajfa tal-politika monetarja tagħna u għamlet l-isforzi tagħna biex nilħqu l-għan tagħna aktar effettivi. Fi ħdan il-mandat tagħna, taħt kundizzjonijiet ta' stress, il-flessibbiltà se tibqa' element tal-politika monetarja kull meta theddid għat-trażmissjoni tal-politika monetarja jipperikola l-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet. B'mod partikolari, fil-każ ta' frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq relatata mal-pandemija, l-investimenti mill-ġdid tal-PEPP jistgħu jiġu aġġustati b'mod flessibbli matul iż-żmien, il-klassijiet tal-assi u l-ġurisdizzjonijiet fi kwalunkwe ħin. Dan jista' jinkludi xiri ta' bonds maħruġa mir-Repubblika Ellenika minbarra r-rollovers ta' fidi sabiex tiġi evitata interruzzjoni tax-xiri f'dik il-ġurisdizzjoni, li tista' tfixkel it-trażmissjoni tal-politika monetarja lill-ekonomija Griega waqt li tkun għadha qed tirkupra mill-konsegwenzi tal-pandemija. Ix-xiri nett taħt il-PEPP jista' jerġa' jibda wkoll, jekk meħtieġ, biex jiġġieled xokkijiet negattivi relatati mal-pandemija.
Ir-raba’ nett, b’konformità ma’ tnaqqis pass pass fix-xiri ta’ assi u biex niżguraw li l-pożizzjoni tal-politika monetarja tibqa’ konsistenti mal-istabbilizzazzjoni tal-inflazzjoni fil-mira tagħna fuq medda medja ta’ żmien, iddeċidejna fuq pass tax-xiri nett fix-xahar ta’ €40 biljun fit-tieni trimestru u €30 biljun fit-tielet trimestru taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP). Minn Ottubru 2022 'il quddiem, se nżommu x-xiri ta' assi netti taħt l-APP b'ritmu fix-xahar ta' €20 biljun sakemm ikun meħtieġ biex insaħħu l-impatt akkomodattiv tar-rati tal-politika tagħna. Nistennew li x-xiri nett jintemm ftit qabel ma nibdew ngħollu r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE.
Aħna kkonfermajna wkoll il-livell tar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE u l-gwida 'l quddiem tagħna dwar it-triq futura tar-rati tal-politika. Dan huwa kruċjali biex jinżamm il-grad xieraq ta’ akkomodament biex tiġi stabbilizzata l-inflazzjoni fil-mira tagħna ta’ inflazzjoni ta’ tnejn fil-mija fuq medda medja ta’ żmien.
Se nkomplu nissorveljaw il-kundizzjonijiet tal-finanzjament bankarju u niżguraw li l-maturazzjoni tal-operazzjonijiet TLTRO III ma tfixkilx it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tagħna. Se nivvalutaw ukoll regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tagħna. Kif imħabbar, nistennew li l-kundizzjonijiet speċjali applikabbli taħt it-TLTRO III jispiċċaw f'Ġunju tas-sena d-dieħla. Se nivvalutaw ukoll il-kalibrazzjoni xierqa tas-sistema tagħna fuq żewġ saffi għal rimunerazzjoni ta’ riżerva sabiex il-politika tar-rata tal-imgħax negattiva ma tillimitax il-kapaċità tal-intermedjazzjoni tal-banek f’ambjent ta’ likwidità abbundanti f’eċċess.
Il-Kunsill Governmattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif jixraq u fiż-żewġ direzzjonijiet, biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ tnejn fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju.
Issa se niddeskrivi f'aktar dettall kif naraw l-iżviluppi fl-ekonomija u l-inflazzjoni. Imbagħad se niddeskrivi l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
Nistennew li l-irkupru ekonomiku jkompli, immexxi minn domanda domestika robusta. Is-suq tax-xogħol qed jitjieb, b’aktar nies ikollhom impjiegi u inqas ikunu fi skemi ta’ żamma tal-impjiegi. Dan jappoġġja l-prospett ta’ żieda fid-dħul u l-konsum tal-unitajiet domestiċi. It-tfaddil li nġema’ matul il-pandemija se jappoġġja wkoll il-konsum. L-appoġġ attwali tal-politika fiskali u monetarja, flimkien ma' rkupru globali kontinwu, għandu jsostni t-tkabbir.
L-attività ekonomika kienet moderata matul l-aħħar trimestru tas-sena u dan it-tkabbir aktar bil-mod x'aktarx jestendi fil-parti bikrija tas-sena d-dieħla. Issa nistennew li l-produzzjoni taqbeż il-livell tagħha ta’ qabel il-pandemija fl-ewwel trimestru tal-2022.
Biex ilaħħqu mal-mewġa pandemika attwali, xi pajjiżi taż-żona tal-euro reġgħu introduċew miżuri ta’ trażżin aktar stretti. Dan jista' jdewwem l-irkupru, speċjalment fl-ivvjaġġar, it-turiżmu, l-ospitalità u d-divertiment. Il-pandemija qed tkun ta’ piż fuq il-fiduċja tal-konsumatur u tan-negozju u t-tixrid ta’ varjanti ġodda tal-virus qed joħloq aktar inċertezza. Barra minn hekk, iż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija huma ta’ ostakolu kontra l-konsum.
Nuqqas ta' tagħmir, materjali u xogħol f'ċerti setturi qed ifixkel il-produzzjoni ta' oġġetti manifatturati, u jikkawża dewmien fil-kostruzzjoni u jrażżan l-irkupru f'xi partijiet tas-settur tas-servizzi. Dawn il-konġestjonijiet se jkunu għadhom magħna għal xi żmien, iżda għandhom jittaffew matul l-2022.
B'ħarsa 'l quddiem, nistennew li t-tkabbir jirkupra b'mod qawwi matul l-2022. It-tbassir ġdid tagħna tal-Eurosistema jipprevedi tkabbir annwali reali tal-PDG f’5.1 fil-mija fl-2021, 4.2 fil-mija fl-2022, 2.9 fil-mija fl-2023 u 1.6 fil-mija fl-2024. Imqabbla mat-tbassir makroekonomiku ta’ Settembru tal-persunali tal-BĊE, il-prospetti tal-inflazzjoni ġew irriveduti ’l isfel għall-2022 u ’l fuq fl-2023.
Miżuri fiskali mmirati u li jiffavorixxu t-tkabbir għandhom ikomplu jikkumplimentaw il-politika monetarja. Dan l-appoġġ se jgħin ukoll lill-ekonomija taġġusta għall-bidliet strutturali li huma għaddejjin. L-implimentazzjoni effettiva tal-programm tal-UE tal-Ġenerazzjoni Li Jmiss u l-pakkett “Fit for 55” se jikkontribwixxu għal irkupru aktar b’saħħtu, aktar ekoloġiku u aktar ugwali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro.
L-inflazzjoni
L-inflazzjoni żdiedet iktar għal 4.9 fil-mija f’Novembru. Se tibqa’ ’l fuq minn tnejn fil-mija għall-biċċa l-kbira tal-2022. L-inflazzjoni hija mistennija li tibqa' għolja fiż-żmien qrib, iżda nistennew li tonqos matul is-sena d-dieħla.
Iż-żieda fl-inflazzjoni primarjament tirrifletti żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fjuwil, tal-gass u tal-elettriku. F'Novembru, l-inflazzjoni tal-enerġija ammontat għal aktar minn nofs l-inflazzjoni ewlenija. Id-domanda qed tkompli wkoll tkun ogħla mill-provvista ristretta f'ċerti setturi. Il-konsegwenzi huma viżibbli b'mod speċjali fil-prezzijiet tal-oġġetti durevoli u dawk is-servizzi tal-konsumatur li reċentement reġgħu fetħu. Effetti bażi relatati mat-tmiem tat-tnaqqis tal-VAT fil-Ġermanja għadhom qed jikkontribwixxu għal inflazzjoni ogħla, iżda biss sal-aħħar tas-sena.
Hemm inċertezza dwar kemm se jdumu biex dawn il-kwistjonijiet jiġu solvuti. Iżda, matul l-2022, nistennew li l-prezzijiet tal-enerġija jistabbilizzaw, ix-xejriet tal-konsum jinnormalizzaw, u l-pressjonijiet tal-prezzijiet li joħorġu mill-konġestjonijiet tal-provvista globali jonqsu.
Maż-żmien, ir-ritorn gradwali tal-ekonomija għall-kapaċità sħiħa u titjib ulterjuri fis-suq tax-xogħol għandhom jappoġġjaw tkabbir aktar mgħaġġel fil-pagi. Miżuri tas-suq u bbażati fuq stħarriġ tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fit-tul baqgħu ġeneralment stabbli mill-aħħar laqgħa tagħna tal-politika monetarja f'Ottubru. Iżda b’mod ġenerali, dawn resqu eqreb lejn it-tnejn fil-mija fl-aħħar xhur. Dawn il-fatturi se jgħinu l-inflazzjoni sottostanti tiċċaqlaq ’il fuq u l-inflazzjoni ewlenija tiġi mal-mira tagħna fuq terminu medju.
Il-projezzjonijiet ġodda tal-persunal tagħna jipprevedu inflazzjoni annwali ta’ 2.6 fil-mija fl-2021, 3.2 fil-mija fl-2022, 1.8 fil-mija fl-2023, u 1.8 fil-mija fl-2024 – ogħla b’mod sinifikanti mill-projezzjonijiet preċedenti f’Settembru. L-inflazzjoni minbarra l-ikel u l-enerġija hija mbassra għal medja ta’ 1.4 fil-mija fl-2021, 1.9 fil-mija fl-2022, 1.7 fil-mija fl-2023, u 1.8 fil-mija fl-2024, ogħla wkoll mill-projezzjonijiet ta' Settembru.
Valutazzjoni tar-riskji
Naraw li r-riskji għal dawn il-prospetti ekonomiċi huma ġeneralment ibbilanċjati. L-attività ekonomika tista’ taqbeż l-aspettattivi tagħna jekk il-konsumaturi jsiru aktar kunfidenti u jfaddlu inqas milli mistenni bħalissa. B'kuntrast, id-deterjorament reċenti tal-pandemija, inkluż it-tixrid ta’ varjanti ġodda, jista' jkun ta’ tfixkil aktar persistenti fuq it-tkabbir. It-triq futura tal-prezzijiet tal-enerġija u l-pass li bih jiġu solvuti l-ostakli fil-provvista huma riskji għall-irkupru u għall-prospetti għall-inflazzjoni. Jekk il-pressjonijiet tal-prezzijiet iwasslu għal żidiet fil-pagi ogħla milli antiċipat jew l-ekonomija terġa’ lura aktar malajr għall-kapaċità sħiħa, l-inflazzjoni tista’ tirriżulta li tkun ogħla.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Ir-rati tal-imgħax tas-suq baqgħu ġeneralment stabbli mil-laqgħa tal-Kunsill Governattiv ta’ Ottubru. Ir-rati ta’ self bankarju għal impriżi u unitajiet domestiċi baqgħu f’livelli storikament baxxi. B’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għall-ekonomija jibqgħu favorevoli. Is-self lid-ditti huwa parzjalment immexxi minn ħtiġijiet ta’ finanzjament għal żmien qasir li jirriżultaw minn ostakli fil-provvista li jżidu l-ispejjeż tagħhom għall-inventarju u l-kapital tax-xogħol. Fl-istess ħin, id-domanda korporattiva għal self għadha moderata minħabba l-qligħ miżmum u l-ammonti ġenerużi ta’ flus kontanti, kif ukoll dejn għoli. Is-self lill-unitajiet domestiċi għadu robust, immexxi mid-domanda għal ipoteki.
Il-banek taż-żona tal-euro komplew saħħew il-karti tal-bilanċ tagħhom bis-saħħa ta’ proporzjonijiet ta’ kapital ogħla u inqas self improduttiv. Il-banek issa qed jagħmlu profitt daqskemm kienu qed jagħmlu qabel il-pandemija. Il-kundizzjonijiet tal-finanzjament tal-banek jibqgħu favorevoli b'mod ġenerali.
F'konformità mal-istrateġija l-ġdida tagħna tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv jivvaluta fil-fond darbtejn fis-sena l-interrelazzjoni bejn il-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja. Politika monetarja akkomodattiva tirfed it-tkabbir, li jsostni l-karti tal-bilanċ tal-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll tipprevjeni r-riskji tal-frammentazzjoni tas-suq. Fl-istess ħin, l-impatt tal-politika monetarja akkomodattiva fuq is-swieq tal-proprjetà u s-swieq finanzjarji jeħtieġ monitoraġġ mill-qrib peress li għadd ta’ vulnerabbiltajiet fuq terminu medju intensifikaw. Xorta waħda, il-politika makroprudenzjali tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża fil-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet fuq terminu medju.
Konklużjoni
Fil-qosor, l-ekonomija taż-żona tal-euro qed tkompli tirkupra, minkejja tnaqqis fiż-żmien qrib. Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u d-domanda li teċċedi l-provvista ristretta f'ċerti setturi qed iżidu l-inflazzjoni. L-inflazzjoni se tibqa' 'l fuq mill-mira tagħna għall-biċċa l-kbira tal-2022, iżda aktarx li tonqos matul is-sena d-dieħla. Fl-istess ħin, minħabba l-progress fl-irkupru ekonomiku u lejn il-mira tagħna ta' inflazzjoni fuq terminu medju, nistgħu nwaqqfu x-xiri nett taħt il-PEPP f'Marzu. Iżda l-akkomodament monetarju għadu meħtieġ – inkluż ix-xiri nett taħt l-APP u l-gwida ’l quddiem tagħna dwar ir-rati tal-imgħax – biex l-inflazzjoni tistabbilizza ruħha fil-mira tagħna ta' inflazzjoni ta' tnejn fil-mija fuq żmien medju.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja