Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Rendikonti finanzjarji tal-BĊE għall-2014

19 ta' Frar 2015

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel nofsinhar CET tal-Ħamis 19 ta’ Frar 2015
  • Qligħ nett tal-BĊE għall-2014: €989 miljun (2013: €1,440 miljun)
  • Dħul nett mill-imgħax mill-Programm tas-Swieq tat-Titoli: €728 miljun (2013: €962 miljun)
  • Dħul mill-imgħax mill-karti tal-flus: €126 miljun (2013: €406 miljun)
  • Daqs tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE: €185 biljun (2013: €174 biljun)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ilbieraħ approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2014. [1]

Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li fil-31 ta’ Diċembru 2014 jittrasferixxi ammont ta’ €15-il miljun (2013: €0.4 miljun) fil-provediment għar-riskju, li żdied għall-ogħla livell tiegħu ta’ €7,575 miljun f’din id-data. L-għan tal-provediment għar-riskju huwa li jkopri r-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb, li jiġu ssorveljati kontinwament. Id-daqs ta’ dan il-provediment jiġi rivedut kull sena. Wara t-trasferiment fil-provediment għar-riskju, il-qligħ nett tal-BĊE għall-2014 kien ta’ €989 miljun (2013: €1,440 miljun). It-tnaqqis kien dovut fil-parti l-kbira (a) għat-tnaqqis fid-dħul mill-imgħax mill-karti tal-flus minħabba r-rata medja aktar baxxa fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament; (b) għat-tnaqqis fid-dħul nett mill-imgħax mill-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP) minħabba l-fidi; u (c) għall-ispejjeż operattivi aktar għoljin, primarjament minħabba l-ispejjeż marbutin mat-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam qligħ interim ta’ €841 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fit-30 ta’ Jannar 2015. Fil-laqgħa tal-bieraħ il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam il-qligħ li baqa’ ta’ €148 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fl-20 ta’ Frar 2015.

Id-dħul tal-BĊE jiġi l-aktar mill-qligħ fuq l-investimenti li għandu fil-portafoll tar-riżervi barranin u fil-portafoll tal-fondi proprji, mid-dħul mill-imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% mit-total tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u, f’dawn l-aħħar snin, mid-dħul nett mill-imgħax fuq it-titoli mixtrijin għall-għanijiet tal-politika monetarja.

Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €1,536 miljun fl-2014 (2013: €2,005 miljun). Dan kien jinkludi dħul ta’ €126 miljun mill-imgħax fuq is-sehem tal-BĊE mit-total tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (2013: €406 miljun) u dħul nett mill-imgħax ta’ €728 miljun (2013: €962 miljun) mit-titoli mixtrijin fl-SMP, li minnhom €298 miljun (2013: €437 miljun) ġew mill-investimenti li l-BĊE għandu fl-SMP f’bonds tal-gvern Grieg. Id-dħul jinkludi wkoll dħul nett mill-imgħax ta’ €174 miljun (2013: €204 miljun) mit-titoli mixtrijin fit-tliet programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti u €1 miljun mit-titoli mixtrijin fil-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP). Il-BĊE ħallas remunerazzjoni ta’ €57 miljun (2013: €192 miljun) lill-banek ċentrali nazzjonali għall-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi f’riżervi barranin li huma ttrasferew lill-BĊE, filwaqt li d-dħul mill-imgħax fuq l-assi f’riżervi barranin kien ta’ €217-il miljun (2013: €187 miljun).

Il-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji kien ta’ €57 miljun (2013: €52 miljun).

Il-valutazzjoni negattiva ammontat għal €8 miljun fl-2014 (2013: €115-il miljun). It-tnaqqis sinifikanti fil-valutazzjoni negattiva fl-2014 kien dovut l-aktar għaż-żieda ġenerali fil-valur tas-suq tat-titoli miżmumin kemm fil-portafoll tad-dollaru Amerikan kif ukoll f’dak tal-fondi proprji.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE jiġbru fihom l-ispiża tal-istaff u l-ispejjeż amministrattivi l-oħra kollha. L-ispiża tal-istaff żdiedet għal €301 miljun fl-2014 (2013: €241 miljun) billi l-għadd tal-membri tal-istaff żdied gradwalment matul is-sena minħabba t-tħejjijiet għat-twaqqif tal-MSU f’Novembru 2014. In-nefqa relatata mal-MSU għal Novembru u Diċembru 2014 kienet ta’ €30 miljun. Dan l-ammont se jiġi ffatturat fl-2015 iżda jidher bħala dħul mit-tariffi fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf tal-BĊE għall-2014 abbażi ta’ dovuti.

Spejjeż amministrattivi oħra, fosthom kiri ta’ postijiet, drittijiet professjonali u prodotti u servizzi oħra, ammontaw għal €376 miljun fl-2014 (2013: €287 miljun). Il-biċċa l-kbira tal-ispiża mġarrba fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-BĊE ġiet ikkapitalizzata u hija eskluża minn din il-partita. Wara li l-BĊE mexa għall-bini l-ġdid tiegħu f’Novembru 2014, in-nefqa kapitalizzata li saret sa dak il-mument ġiet ittrasferita mill-partita “Assi li qegħdin jinbnew” għall-intestaturi xierqa tal-assi fissi. Id-deprezzament tal-bini l-ġdid tal-BĊE beda f’Jannar 2015, skont il-politika normali tal-BĊE dwar id-deprezzament.

Id-daqs totali tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE żdied bi €11-il biljun għal €185 biljun fl-2014 (2013: €174 biljun). Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għall-apprezzament tal-assi f’riżervi barranin u tad-deheb miżmumin mill-BĊE, kif ukoll għaż-żieda fil-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni.

Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema ammontat għal €2,208 biljun fl-aħħar tal-2014, imqabbla ma’ €2,273 biljun fl-2013. It-total tal-obbligazzjonijiet naqas, l-aktar minħabba li ġiet sospiża l-operazzjoni ta’ rfinar ta’ kull ġimgħa li kienet tisterilizza l-likwidità injettata permezz tal-SMP, u li wasslet għal tnaqqis fid-“depożiti b’terminu fiss”. It-total tal-assi naqas, l-aktar minħabba li xi kontropartijiet irrimborżaw qabel iż-żmien l-ammonti allokati lilhom fiż-żewġ operazzjonijiet ta’ tliet snin ta’ rifinanzjament għal żmien itwal.

L-investimenti tal-Eurosistema f’titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja naqsu b’€19-il biljun għal €217-il biljun (2013: €236 biljun). It-titoli miżmumin fl-SMP naqsu b’€34.5 biljun minħabba l-fidi. Dan it-tnaqqis ġie paċut parzjalment bit-titoli mixtrijin fit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti u fl-ABSPP, li bdew lejn l-aħħar tal-2014, u li ammontaw għal €31.3 biljun fi tmiem is-sena.

Ir- rapport amministrattiv, li fis-snin ta’ qabel kien jiġi ppubblikat mar-Rapport Annwali tal-BĊE, huwa parti integrali mir-rappurtar finanzjarju annwali tal-BĊE u jipprovdi tagħrif kuntestwali li jippermetti lill-qarrejja jifhmu aħjar il-ħidma tal-BĊE, il-qafas operattiv tiegħu u l-impatt tal-operazzjonijiet tal-BĊE fuq ir-rendikonti finanzjarji tiegħu. Din is-sena sar titjib fir-rapport amministrattiv li issa jinkludi tagħrif li huwa rilevanti għar-rendikonti finanzjarji tal-BĊE.

Għal aktar tagħrif tista’ ċċempel lil Rocío González (+49 69 1344 6451).

Noti

  1. Politika tal-kontabilità tal-BĊE u l-Eurosistema: Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa politika tal-kontabilità komuni għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skont l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u din ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. [2] Għalkemm hija bbażata b’mod ġenerali fuq il-prattika tal-kontabilità aċċettata internazzjonalment, din il-politika tfasslet speċjalment għaċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom skoperturi kbar għar-riskju tal-kambju. Dan l-approċċ prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti tal-qligħ u t-telf mhux realizzati għall-għan tal-għarfien tad-dħul, u għall-fatt li huwa pprojbit li t-telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi jiġi nnettjat mal-qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-qligħ mhux realizzat jiġi ttrasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. It-telf mhux realizzat li jaqbeż il-bilanċi relatati tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni jitqies bħala spiża fi tmiem is-sena. It-telf minn indeboliment jgħaddi kollu kemm hu fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf. Bħala parti mill-Eurosistema, il-banek ċentrali nazzjonali kollha taż-żona tal-euro jridu jimxu ma’ din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ kull ġimgħa u fil-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-banek ċentrali nazzjonali japplikaw minn rajhom b’mod ġenerali l-istess politika tal-BĊE meta jħejju r-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. Fl-2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jibdel il-mod kif jiġu ttrattati fil-kontijiet it-titoli miżmumin attwalment għall-għanijiet tal-politika monetarja. Dawn it-titoli issa qegħdin jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat (suġġett għal indeboliment) irrispettivament minn jekk jinżammux sal-maturità jew le. Din il-bidla ma kellha l-ebda impatt fuq ir-riżultat finanzjarju għall-2014.
  3. It-titoli negozjabbli, barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja, jiġu rivalutati bil-prezzijiet tas-suq, sakemm ma jkunux ikklassifikati bħala “miżmumin sal-maturità”. It-titoli “miżmumin sal-maturità” jiġu vvalutati b’kost amortizzat (suġġett għal indeboliment).
  4. Id-deheb u l-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha denominati f’munita barranija inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha jinqalbu fl-euro bir-rata tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ.
  5. Spejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja: Bi qbil mar-Regolament MSU, [3] il-BĊE se jimponi tariffa superviżorja annwali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għas-superviżjoni. Dawn it-tariffi se jkopru, iżda ma jaqbżux, l-ispiża mġarrba mill-BĊE fir-rigward tal-kompiti superviżorji tiegħu. L-ispiża tal-BĊE se tiġi rkuprata b’seħħ minn meta ħa f’idejh ir-responsabbiltà operattiva għas-superviżjoni, i.e. Novembru 2014. L-ammonti meħtieġa biex ikopru l-ispiża li saret f’Novembru u Diċembru 2014 jidhru bħala dħul mit-tariffi abbażi ta’ dovuti fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf tal-BĊE għall-2014, iżda se jiġu ffatturati fl-2015.
  6. Remunerazzjoni tal-assi f’riżervi barranin ittrasferiti lill-BĊE: Meta bank ċentrali nazzjonali jissieħeb fl-Eurosistema u jittrasferixxi assi f’riżervi barranin lill-BĊE, jakkwista klejm remunerata mal-BĊE li tkun ekwivalenti għall-ammont li jittrasferixxi. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li dawn il-klejms ikunu denominati fl-euro u jiġu remunerati kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex ma jitqies l-ebda redditu mill-komponent tad-deheb.
  7. Tqassim tal-qligħ/allokazzjoni tat-telf: Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, sa 20% tal-qligħ nett ta’ kwalunkwe sena jista’ jiġi ttrasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi sa limitu li jkun ekwivalenti għal 100% tal-kapital tal-BĊE. Il-qligħ nett li jibqa’ għandu jitqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom. Fil-każ li l-BĊE jġarrab telf, dan jista’ jiġi paċut (a) mill-provediment ġenerali tar-riskju u mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE; u (b) mid-dħul monetarju għas-sena finanzjarja rilevanti, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv. Fl-aħħar, kwalunkwe telf nett li jibqa’ jista’ jidher fil-Karta tal-Bilanċ bħala telf li jittella’ u jiġi paċut ma’ kwalunkwe dħul nett fis-snin ta’ wara.
  8. Investimenti tal-Eurosistema fl-SMP: It-tabella ta’ hawn taħt tippreżenta l-analiżi skont l-emittent tal-ammonti pendenti tal-investimenti tal-Eurosistema fl-SMP fil-31 ta’ Diċembru 2014.
Pajjiż emittent Ammont nominali (biljuni ta’ EUR) Valur deprezzat[1] (biljuni ta’ EUR) Medja tal-maturità li fadal (snin)
Irlanda 9.7 9.3 4.3
Greċja 19.8 18.1 3.5
Spanja 28.9 28.6 3.8
Italja 76.2 73.9 3.8
Portugall 14.9 14.3 3.3
Total[2] 149.4 144.3 3.7

[1] L-investimenti fl-SMP huma vvalutati b’kost amortizzat.

[2] It-totali jistgħu ma jaqblux minħabba t-tqarrib.

  1. [1]Mill-2015 ’il quddiem ir-rapport amministrattiv tal-BĊE kif ukoll il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema se jiġu ppubblikati flimkien mal-Kontijiet Annwali tal-BĊE. Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema hija bbażata fuq dejta proviżorja mhix awditjata. Il-kontijiet annwali tal-banek ċentrali nazzjonali kollha se jiġu ffinalizzati sal-aħħar ta’ Mejju 2015 u l-karta tal-bilanċ konsolidata annwali finali tal-Eurosistema tiġi ppubblikata wara.

  2. [2]Id-Deċiżjoni BĊE/2010/21 tal-11 ta’ Novembru 2010, ĠU L 35, 9.2.2011, p.1, kif emendata, fiha l-politika dettaljata tal-kontabilità tal-BĊE.

  3. [3]Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja