Ċipru u Malta jissieħbu maż-żona ta' l-euro
Illum l-euro ġie introdott f’Ċipru u f’Malta. L-għadd ta’ Stati Membri ta’ l-UE li jużaw il-munita unika Ewropea issa żdied għal 15. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jilqa’ b’merħba dan it-tkabbir ġdid taż-żona ta’ l-euro.
Bħala riżultat ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro minn Ċipru u minn Malta, is-Central Bank of Cyprus u l-Bank Ċentrali ta’ Malta issa huma membri sħaħ ta’ l-Eurosistema, bl-istess jeddijiet u obbligi bħat-13-il-bank ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri l-oħra ta’ l-UE li adottaw l-euro. Skond l-Artikolu 49 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, is-Central Bank of Cyprus u l-Bank Ċentrali ta’ Malta ħallsu l-bqija tal-kontributi tagħhom għall-kapital tal-BĊE u ttrasferew ukoll lill-BĊE l-kontributi tagħhom għall-assi tar-riżervi barranin tal-BĊE.
L-integrazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Ċiprijotti u Maltin (IFM) fis-sistema bankarja taż-żona ta’ l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008 kienet diġà ġiet ikkunsidrata fil-pubblikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-likwidità taż-żona ta’ l-euro u fil-kwota standard tas-27 u t-28 ta’ Diċembru 2007. Fit-3 ta’ Jannar 2008, il-kontropartijiet Ċiprijotti u Maltin ta’ l-Eurosistema se jkunu jistgħu jipparteċipaw għall-ewwel darba fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema.
Il-listi ta’ l-IFM li jinsabu f’Ċipru u f’Malta u li huma soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżervi, huma ppubblikati fis-sit elettroniku tal-BĊE, bħal ma huma wkoll il-listi ta’ l-IFM li jinsabu fi Stati Membri oħra ta’ l-UE li adottaw l-euro. Il-listi ta’ l-assi f’Ċipru u f’Malta li huma eliġibbli bħala garanzija għall-operazzjonijiet tal-kreditu ta’ l-Eurosistema, huma wkoll disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE. http://www.ecb.europa.eu
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja