Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro
Fl-ewwel nofs tal-2012 tneħħa miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 251,000 karta tal-euro falza. Dan ifisser li l-għadd ta’ karti tal-flus foloz li tneħħa miċ-ċirkolazzjoni bejn Jannar u Ġunju 2012 kien 15.2% anqas meta jitqabbel maċ-ċifri għall-istess perjodu tal-2011. Fl-istess ħin kien hemm tnaqqis ta’ 19.0% għal dak li hu l-għadd miġbur fl-ewwel nofs tal-2012 meta jitqabbel mas-sitt xhur ta’ qabel.
It-tabella ta’ hawn taħt turi x-xejra ta’ kull sitt xhur fl-għadd ta’ karti tal-flus foloz miġbur.
Perjodu | 2009/1 | 2009/2 | 2010/1 | 2010/2 | 2011/1 | 2011/2 | 2012/1 |
Għadd ta’ karti tal-flus foloz | 413,000 | 447,000 | 387,000 | 364,000 | 296,000 | 310,000 | 251,000 |
Meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 14.6 biljun fl-ewwel nofs tal-2012) il-proporzjon tal-karti tal-flus foloz għadu baxx ħafna.
Madankollu l-Eurosistema – jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-17-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – tibqa’ twissi lill-pubbliku biex joqgħod attent fejn jidħlu l-karti tal-flus li jgħaddu għal għandu minn tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il-karti tal-flus ġenwini jingħarfu faċilment permezz tat-test “ĦOSS-ĦARES-MEJJEL” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Madankollu, f’każ ta’ dubju, karta tal-flus li tqajjem suspett għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur tkun ġenwina. Kull min jissuspetta li jkollu xi karta tal-flus falza għandu jikkuntattja lill-pulizija jew – fejn il-prattika nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali tal-pajjiż.
It-tabella ta’ hawn taħt tagħti analiżi perċentwali skont id-denominazzjoni tal-għadd ta’ karti tal-flus foloz li tneħħa miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel nofs tal-2012.
Denominazzjoni | €5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 |
Analiżi perċentwali | 0.5% | 2.5% | 42.5% | 34.5% | 17.0% | 2.5% | 0.5% |
Id-denominazzjonijiet li jiġu falsifikati l-aktar jibqgħu dawk ta’ €20 u €50. Fis-sitt xhur li għaddew il-proporzjon tal-karti ta’ €20 foloz naqas waqt li dak tal-karti ta’ €50 foloz żdied bi ftit. Dawn iż-żewġ denominazzjoniet flimkien iġibu 77.0% tat-total tal-karti tal-flus falsifikati fl-ewwel nofs tal-2012. Warajhom, l-aktar denominazzjoni falsifikata kienet dik ta’ €100 bi 17.0% tat-total. Il-proporzjon tad-denominazzjonijiet l-oħra (€5, €10, €200 u €500) hu baxx ħafna.
Il-biċċa l-kbira (97.5%) tal-karti tal-flus foloz miġbura fl-ewwel nofs tal-2012 instabet f’pajjiżi taż-żona tal-euro waqt li madwar 2.0% biss instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea barra ż-żona tal-euro u 0.5% nstabu f’partijiet oħra tad-dinja.
L-Eurosistema tagħmel sforz kbir biex tiżgura li l-pubbliku jkun mgħarraf sew dwar kif jagħraf karta tal-flus falza u, fil-każ tal-professjonisti li jmexxu l-flus kontanti, li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus jagħrfu tajjeb u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja