- 331,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel nofs tal-2014 – proporzjon żgħir ħafna tal-għadd totali ta’ karti tal-flus tajbin fiċ-ċirkolazzjoni
- 81% tal-karti tal-flus foloz huma tal-€20 u l-€50
- Malajr tista’ tiċċekkja l-karti tal-euro bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
- Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
Fl-ewwel nofs tal-2014 tneħħew miċ-ċirkolazzjoni 331,000 karta tal-euro falza – tnaqqis ta’ 6.2% miċ-ċifra għat-tieni nofs tal-2013. Kollox ma’ kollox, l-għadd ta’ karti tal-flus foloz baqa’ żgħir ħafna meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus tajbin fiċ-ċirkolazzjoni f’dan il-perjodu – aktar minn 16-il biljun.
Iċ-ċifri għal kull sitt xhur mill-2011 ’l hawn jidhru hawn taħt:
Perjodu | 2011/1 | 2011/2 | 2012/1 | 2012/2 | 2013/1 | 2013/2 | 2014/1 |
Għadd ta’ karti tal-flus foloz | 296,000 | 310,000 | 251,000 | 280,000 | 317,000 | 353,000 | 331,000 |
Minkejja dan l-għadd żgħir, il-membri tal-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u t-18-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, iwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jiġu f’idejh karti tal-flus. Il-karti tal-flus tajbin jistgħu jintgħarfu malajr bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Jekk tiġi f’idejk karta tal-flus dubjuża, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hija tajba. Jekk tikkonferma d-dubji, ikkuntattja jew lill-pulizija jew, skont il-prattika nazzjonali, il-bank ċentrali ta’ pajjiżek.
Hawn taħt tidher analiżi skont id-denominazzjoni tal-karti tal-flus foloz li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel nofs tal-2014, flimkien ma’ tagħrif dwar fejn instabu.
Denominazzjoni | €5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 |
Analiżi perċentwali | 1.2% | 4.6% | 46.5% | 34.7% | 10.9% | 1.3% | 0.8% |
- Il-karti tal-€20 u l-€50 jibqgħu l-aktar denominazzjonijiet li jiġu ffalsifikati. Jirrappreżentaw 81% tal-karti tal-flus foloz misjuba, żieda żgħira fuq is-sitt xhur ta’ qabel.
- 98% tal-karti tal-flus foloz instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, 1.9% instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-żona tal-euro u 0.1% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.
L-Eurosistema għandha d-dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u għalhekk toffrilek gwida dwar kif tista’ tagħraf il-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz, kif ukoll tgħin lil min juża l-karti tal-flus fil-professjoni tiegħu biex ikun ċert li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus jagħrfu tajjeb u jneħħu l-karti foloz miċ-ċirkolazzjoni. L-Eurosistema qiegħda tutilizza t-titjib li sar fit-teknoloġija tal-karti tal-flus: is-sensiela Europa li dieħla gradwalment se tgħin lill-pubbliku jġedded il-fiduċja fil-karti tal-flus u tkompli toffrilu ħarsien mill-falsifikazzjoni billi l-karti tal-flus se jkunu aktar siguri u jservu aktar. Il-karta l-ġdida tal-€10 se toħroġ fit-23 ta' Settembru 2014.
Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok ċempel lil Elodie Nowodazkij, tel.: +49 69 1344 7390.