Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

il-politika tal-BĊE dwar l-ambjent terġa’ tieħu ċ-ċertifikazzjoni tal-EMAS

3 ta' Awissu 2012

Il-BĊE dan l-aħħar reġa’ ħa ċ-ċertifikazzjoni dwar l-ambjent skont l-istandard ISO 14001 u l-Iskema għall-Ġestjoni u l-Verifika Ekoloġika (EMAS) tal-Unjoni Ewropea, wara li kien ħa din iċ-ċertifikazzjoni għall-ewwel darba fl-2010. Dan hu rikonoxximent għall-impenn fit-tul li daħal għalih il-BĊE biex ikompli jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tiegħu, b’mod partikolari billi min-naħa tiegħu jnaqqas kemm jista’ l-marka ekoloġika u l-emissjonijiet tal-karbonju.

Il-BĊE adotta politika dwar l-ambjent għall-ewwel darba fl-2007. Sabiex jiżgura li l-għanijiet tiegħu jintlaħqu, il-BĊE implimenta Sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali (EMS) skont l-istandard ISO 14001 u l-EMAS li tkopri l-attivitajiet kollha li jsiru fil-bini tiegħu. Il-BĊE ma jdumx ma jxandar it-tieni aġġornament tad-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-ambjent. Id-dikjarazzjoni tiġbor fiha r-riżultati pożittivi li ġew reġistrati fis-snin li għaddew għal dik li hi l-prestazzjoni ambjentali kif ukoll l-aspetti, l-għanijiet, il-miri u l-miżuri dwar l-ambjent li għandhom jittieħdu fi ħdan il-qafas tal-programm ambjentali li jmiss.

Riżultati pożittivi għall-ambjent

Is-sena li għaddiet sar pass ieħor ’il quddiem fl-għarfien tal-isforzi tal-BĊE biex inaqqas il-marka li jħalli fuq l-ambjent u fl-impenn li ħa biex jilqa’ sfidi oħra barra dawk li ġabet magħha l-kriżi finanzjarja. L-aħjar riżultat tas-Sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali (EMS) kien ix-xejra pożittiva li ħalliet fil-prestazzjoni ambjentali. Hu kalkulat li fl-2011 il-BĊE kien responsabbli għal marka ekoloġika ta’ madwar 9,000 tunnellata ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li hi bejn wieħed u ieħor 30% anqas mill-2009.

Riżultati pożittivi oħra marbuta mal-ambjent huma: il-bidla għall-enerġija rinnovabbli fil-bini kollu tal-BĊE u fil-post fejn tiela’ l-bini l-ġdid tal-BĊE; il-fatt li kważi l-karta kollha użata fil-BĊE (għall-ikkupjar u l-istampar) hi riċiklata 100% u għandha t-tikketta “Blue Angel”; u l-applikazzjoni tal-programm tal-kumpanija Deutsche Bahn għal vjaġġi bil-ferrovija ħielsa mill-karbonju.

Il-BĊE daħal għall-impenn li sal-2013 ikompli jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tiegħu. L-attenzjoni se tinxteħet fuq il-membri tal-istaff biex dawn isiru aktar sensittivi kif ukoll fuq l-impenn ta’ sostenn għall-għan li t-total tal-marka ekoloġika tal-BĊE jitnaqqas b’10% oħra. Għal aktar tagħrif dwar l-azzjonijiet u l-pjanijiet ambjentali tal-BĊE, jekk jogħġbok niżżel din il-link għall-aġġornament tal-2012 tad-dikjarazzjoni tal-BĊE dwar l-ambjent, li tinsab bl-Ingliż biss.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja