Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar l-iffalzifikar tal-karti tal-flus ta’ l-euro
Fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2007, ġie rtirat miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 265,000 karta tal-flus ta’ l-euro falza. Iċ-ċifri għal perijodu ta’ sitt xhur li ġejjin juru li l-livell ta' l-iffalzifikar varja ftit biss tul l-aħħar erba’ snin.
Perijodu | 2003/2 | 2004/1 | 2004/2 | 2005/1 | 2005/2 | 2006/1 | 2006/2 | 2007/1 |
Għadd ta’ karti tal-flus foloz | 312,000 | 307,000 | 287,000 | 293,000 | 286,000 | 300,000 | 265,000 | 265,000 |
Meta dawn iċ-ċifri jitqabblu man-numru ta’ karti tal-flus ta’ l-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 11-il biljun matul l-ewwel sitt xhur ta’ l-2007), il-kwantità ta’ karti tal-flus foloz hija waħda tassew żgħira.
Il-maġġoranza l-kbira (97%) tal-karti tal-flus foloz irkuprati fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2007 instabet mill-ġdid fil-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro. Bejn wieħed u ieħor 3% ġew minn Stati Membri ta’ l-UE barra ż-żona ta’ l-euro u numru tassew żgħir ġew mill-partijiet l-oħra tad-dinja.
L-analiżi ta' dawn il-karti tal-flus foloz skond id-denominazzjoni hi kif ġej:
€5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 | |
Analiżi skond id-denominazzjoni (f’%) | 1 | 3 | 15 | 50 | 20 | 10 | 1 |
Il-karta tal-flus tal-€50 kienet l-iktar waħda li ġiet iffalzifikata matul l-ewwel 6 xhur ta’ l-2007, u dan jammonta għal madwar nofs it-total ta’ karti tal-flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni. Bejniethom, it-tliet denominazzjonijiet tan-nofs (€20, €50 u €100) ammontaw għal madwar 85% tal-karti tal-flus foloz kollha.
Il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus ta’ l-euro u fil-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom. Fl-istess ħin, l-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u t-13-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro, ikomplu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent u biex jiċċekkja l-awtentiċità tal-karti tal-flus li jirċievi. Il-karti tal-flus foloz jintgħarfu faċilment minn karti tal-flus ġenwini meta wieħed juża t-test ĦOSS-ĦARES-MEJJEL imfisser fil-pubblikazzjonijiet ta' l-Eurosistema u fil-websajt tal-BĊEu l-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Eurosistema. Iżda, f’każ ta’ dubju, meta wieħed ikollu suspett li karta tal-flus tkun falza, għandu jqabbilha direttament ma’ waħda li hu jkun żgur li hi ġenwina. Kull min ikollu suspett li forsi rċieva xi karta/munita tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn tippermetti l-prassi nazzjonali – lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, u jagħti kemm jista’ jkun dettalji dwar minn fejn ġiet il-karta tal-flus.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja