Il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi dwar id-disinn għall-bini l-ġdid tal-BĊE
Waqt il-laqgħa ta’ llum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) wasal għal deciżjoni dwar id-disinn tal-bini l-ġdid tal-BĊE fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja. Wara diskussjonijiet fit-tul u valutazzjoni magħmula bir-reqqa, bbażata fuq il-kriterji, tal-punti qawwija u dgħajfa tat-tliet disinji rebbieħa tal-kompetizzjoni internazzjonali tad-disinn urbanistiku u arkitettoniku, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li l-proġett rivedut ta’ COOP HIMMELB(L)AU hu l-aħjar biex jaqdi l-ħtiġijiet funzjonali u tekniċi speċifikati mill-BĊE, u għandu karatteristiċi li jirriflettu l-valuri tal-BĊE u jittrasformahom f’lingwaġġ arkitettoniku. Din id-deċiżjoni tikkonferma d-deċiżjoni tal-ġurija internazzjonali, li tat l-ewwel premju lil dan il-proġett.
L-element prinċipali ta’ dan id-disinn, hu grupp distint u dinamiku ta’ tliet binjiet: bini għoli 184 metru b’form mibruma, “bini żviluppat b’mod orizzontali” u l-Grossmarkthalle. Il-bini żviluppat b’mod orizzontali jikkuntrasta ma’ l-għoli tat-torri u jaġixxi b’mod reċiproku mad-disinn tal-Grossmarkthalle, filwaqt li jipprovdi armonija u jirrispetta d-dehra ta’ dan il-bini uniku u protett bil-liġi. B’mod partikolari, meta wieħed iħares lejn il-Grossmarkthalle minn-naħa tan-nofsinhar tax-xmara Main, ikun jista’ jara l-parti tal-bini tan-naħa tal-punent.
Il-bini għoli jikkonsisti f’żewġ torrijiet poligonali ta’ uffiċċji konnessi b’atriju. L-atriju jservi bħala l-parti ewlenija ta’ komunikazzjoni bi pjattaformi konnessi bejniethom u żoni komuni. Dan jissodisfa żewġ elementi importanti tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, jiġifieri li l-bini l-ġdid għandu “iħeġġeġ komunikazzjoni interattiva” u “jippromwovi xogħol ta' tîm”. Dan id-disinn jindirizza l-ħtiġijiet kumplessi u funzjonali b’mod tajjeb ħafna u jiżgura postijiet tax-xogħol ta’ livell għoli.
Il-proġetti l-oħra
It-tieni rebbieħ, ASP Schweger Assoziierte, irreveda l-proġett inizjali biex isebbaħ il-proporzjonijiet ġenerali tal-bini l-ġdid u b’hekk ipprovda soluzzjoni tajba għall-ħtiġijiet funzjonali komplessi. Il-pont fl-ajru, li jgħaqqad tliet binjiet għoljin u misluta, ipprovda lill-BĊE b’dehra unika fuq l-orizzont tal-belt. Barra dan, pontijiet ġodda tal-ħġieġ li jagħqdu l-binjiet ġew proposti biex iħeġġu l-komunikazzjoni. Dan id-disinn trasparenti irrifletta wkoll il-valuri tal-BĊE b’mod xieraq. Id-disinn tal-pajsaġġ li ġie ppjanat kważi mill-ġdid ħoloq ambjent armonjuż u fl-istess ħin ipprovda ambjent ta’ sigurtà lill-BĊE u lill-persunal tiegħu.
Il-proġett tat-tielet rebbieħ, 54f architekten+ingenieure/T. R. Hamzah & Yeang, kien jikkonsisti fi “grupp” diskret ta’ bini għoli, li kien jintegra sew fil-profil tal-belt u jirrifletti l-valuri tal-BĊE permezz ta’ dehra ħafifa, trasparenti u eleganti. Dan il-kunċett offra postijiet ta’ xogħol ta’ kwalità għolja u flessibbli. Barra dan, din il-proposta seħqet fuq l-użu għaqli tar-riżorsi, billi adottat atteġġament li jħares l-ambjent. Il-pajsaġġ immewweġ li jdur bejn il-bini u ż-żona ta’ madwaru integra d-disinn fl-urbanistika eżistenti ta’ l-Ostend ta’ Frankfurt b’mod armonjuż.
Sfond
Wara li ġurija internazzjonali għażlet it-tliet disinji rebbieħa għall-bini l-ġdid tal-BĊE (ara l-Istqarrija Għall-Istampa tat-13 ta’ Frar 2004), il-Kunsill Governattiv tal-BĊE stieden lit-tliet rebbieħa biex jirrivedu l-proġetti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu kont tar-rakkomandazzjonijiet u l-ħtiġijiet tal-ġurija, tal-BĊE u tal-Belt ta’ Frankfurt. Il-Kunsill Governattiv ħass li kien għad hemm xi nuqqasijiet funzjonali u tekniċi fil-proġetti li kien jeħtieġ li jiġu rrimedjati fil-fażi tar-reviżjoni (ara l-Istqarrija Għall-Istampa tat-18 ta’ Marzu 2004).
Id-disinji reveduti ġew eżaminati mill-BĊE, b’kooperazzjoni mal-konsulenti u ma’ l-esperti tagħhom, u ma’ esperti ta’ l-awtoritajiet tal-Belt ta’ Frankfurt u ma’ rappreżentanti politiċi. Il-kriterji għal din l-istima kienu l-istess bħal dawk użati mill-ġurija:
- l-ippjanar ġenerali tal-belt, arkitettura u pajsaġġ;
- konformità mal-karatteristiċi ewlenin tal-programm fejn għandhom x’jaqsmu l-funzjoni u l-ispazju;
- il-vijabilità tal-proġett f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-enerġija u l-ambjent, u konformità mal-karatteristiċi ewlenin tal-ħtiġijiet tekniċi tal-BĊE;
- konformità mar-regolamenti rilevanti, b’mod speċjali dawk fil-qasam tal-liġi dwar il-bini u tal-liġi dwar l-ambjent.
Il-passi li jmiss
Issa li l-perit intgħażel, il-pass li jmiss ikun fażi ta’ “perfezzjonar” li fih id-disinn ser jerġa’ jiġi rrivedut, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi u biex jitnaqqsu l-ispejjeż kemm jista’ jkun. Waqt din il-fażi, il-BĊE ser jaħdem mill-qrib ma’ l-awtoritajiet tal-Belt ta’ Frankfurt minħabba l-pjan ta’ żvilupp urbanistiku li għandu jiġi adottat.
Mid-19 ta’ Jannar sal-20 ta’ Marzu 2005, il-Historisches Museum fi Frankfurt am Main ser itella’ wirja dwar il-Grossmarkthalle, li ser tinkludi d-disinn tal-bini l-ġdid tal-BĊE.
Iżjed dettalji dwar il-kompetizzjoni internazzjonali ta’ disinn u dwar il-proġetti jistgħu jinstabu fuq il-website tal-BĊE http://www.ecb.europa.eu/ecb/premises/html/index.mt.html.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja