- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 3 ta’ Frar 2022
Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
L-ekonomija taż-żona tal-euro qed tkompli tirkupra u s-suq tax-xogħol qed jitjieb aktar, mgħejjun minn appoġġ politiku wiesa'. Iżda t-tkabbir x'aktarx li jibqa' mrażżan fl-ewwel trimestru, peress li l-mewġa pandemika attwali għadha ta’ piż fuq l-attività ekonomika. In-nuqqas ta’ materjali, tagħmir u xogħol ikompli jżomm lura l-produzzjoni f'xi industriji. Spejjeż għoljin tal-enerġija qed jagħmlu ħsara lid-dħul u x'aktarx itappnu l-infiq. Madankollu, l-ekonomija hija affettwata dejjem inqas minn kull mewġa tal-pandemija u l-fatturi li jrażżnu l-produzzjoni u l-konsum għandhom jonqsu gradwalment, u jippermettu li l-ekonomija terġa’ tirkupra b’mod qawwi matul is-sena.
L-inflazzjoni żdiedet sew f'dawn l-aħħar xhur u kompliet tissorprendi favorevolement f’Jannar. Dan huwa primarjament xprunat minn spejjeż ogħla tal-enerġija li qed iżidu l-prezzijiet f'ħafna setturi, kif ukoll prezzijiet ogħla tal-ikel. L-inflazzjoni x'aktarx li tibqa' elevata għal aktar żmien milli kien mistenni qabel, iżda mistennija tonqos matul din is-sena.
Il-Kunsill Governattiv għalhekk ikkonferma d-deċiżjonijiet meħuda fil-laqgħa tiegħu dwar il-politika monetarja f’Diċembru li għadda, kif iddettaljat fl-istqarrija għall-istampa ppubblikata llum fis-13:45. Għaldaqstant, se nkomplu nnaqqsu r-ritmu tax-xiri tal-assi tagħna pass pass matul it-trimestri li ġejjin, u se ntemmu x-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) fl-aħħar ta’ Marzu. Fid-dawl tal-inċertezza attwali, għandna bżonn aktar minn qatt qabel li nżommu l-flessibbiltà u l-għażla fit-tmexxija tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ tnejn fil-mija fuq terminu medju.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li l-ekonomija u l-inflazzjoni se jiżviluppaw, u mbagħad se nitkellmu dwar il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
It-tkabbir ekonomiku ddgħajjef għal 0.3 fil-mija fl-aħħar trimestru tas-sena li għaddiet. Madankollu, il-produzzjoni laħqet il-livell ta’ qabel il-pandemija fi tmiem l-2021. L-attività ekonomika u d-domanda x'aktarx se jibqgħu kajmana fil-parti bikrija ta’ din is-sena għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, il-miżuri ta’ trażżin qed jaffettwaw is-servizzi tal-konsumatur, speċjalment l-ivvjaġġar, it-turiżmu, l-ospitalità u d-divertiment. Għalkemm ir-rati ta' infezzjoni għadhom għoljin ħafna, l-impatt tal-pandemija fuq il-ħajja ekonomika issa qed juri li hu ta’ inqas ħsara. It-tieni nett, l-ispejjeż għoljin tal-enerġija qed inaqqsu l-poter tal-akkwist tad-djar u l-qligħ tan-negozji, li jillimitaw il-konsum u l-investiment. U t-tielet nett, in-nuqqas ta’ tagħmir, materjali u xogħol f'xi setturi jkomplu jfixklu l-produzzjoni ta' oġġetti manifatturati, idewmu l-kostruzzjoni u jżommu lura l-irkupru f'partijiet tas-settur tas-servizzi. Hemm sinjali li dawn il-konġestjonijiet jistgħu jkun li qed jibdew jittaffew, iżda xorta se jippersistu għal xi żmien.
Meta wieħed iħares lil hinn minn żmien fil-qrib, it-tkabbir għandu jirpilja b'mod qawwi matul l-2022, immexxi minn domanda domestika robusta. Hekk kif is-suq tax-xogħol qed jitjieb aktar, b'aktar nies li għandhom impjiegi u inqas fi skemi ta' żamma tal-impjiegi, l-unitajiet domestiċi għandhom igawdu dħul ogħla u jonfqu aktar. L-irkupru globali u l-appoġġ kontinwu tal-politika fiskali u monetarja jikkontribwixxu wkoll għal din il-prospettiva pożittiva. Miżuri fiskali mmirati u li jsaħħu l-produttività u riformi strutturali, konformi mal-kundizzjonijiet f’pajjiżi differenti taż-żona tal-euro, jibqgħu essenzjali biex jikkumplimentaw il-politika monetarja tagħna b’mod effettiv.
L-inflazzjoni
L-inflazzjoni żdiedet għal 5.1 fil-mija f'Jannar, minn 5.0 fil-mija f'Diċembru 2021. Fil-futur qrib l-inflazzjoni mistennija tibqa’ għolja. Il-prezzijiet tal-enerġija għadhom ir-raġuni ewlenija għar-rata għolja tal-inflazzjoni. L-impatt dirett tagħhom kien jammonta għal aktar minn nofs l-inflazzjoni ġenerali f’Jannar u l-ispejjeż tal-enerġija wkoll qed iżidu l-prezzijiet f’ħafna setturi. Il-prezzijiet tal-ikel żdiedu wkoll, minħabba fatturi staġjonali, spejjeż għoljin tat-trasport u l-prezz ogħla tal-fertilizzanti. Barra minn hekk, iż-żidiet fil-prezzijiet saru aktar mifruxa, bil-prezzijiet ta’ numru kbir ta’ oġġetti u servizzi żdiedu b’mod notevoli. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti żdiedu matul l-aħħar xhur, għalkemm ir-rwol tal-fatturi pandemiċi temporanji jfisser li l-persistenza ta’ dawn iż-żidiet għadha inċerta. Indikaturi bbażati fuq is-suq jissuġġerixxu moderazzjoni fid-dinamika tal-prezzijiet tal-enerġija matul l-2022 u pressjonijiet tal-prezzijiet li jirriżultaw minn konġestjonijiet tal-provvista globali għandhom jonqsu ukoll.
Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol qed jitjiebu aktar, għalkemm it-tkabbir fil-pagi għadu kajman b'mod ġenerali. Maż-żmien, ir-ritorn tal-ekonomija għall-kapaċità sħiħa għandu jappoġġja tkabbir aktar mgħaġġel fil-pagi. Miżuri bbażati fuq is-suq tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal baqgħu ġeneralment stabbli b’rati ftit inqas minn tnejn fil-mija mill-aħħar laqgħa tagħna dwar il-politika monetarja. L-aħħar miżuri bbażati fuq stħarriġ huma madwar tnejn fil-mija. Dawn il-fatturi se jikkontribwixxu wkoll aktar għall-inflazzjoni sottostanti u se jgħinu biex l-inflazzjoni ewlenija toqgħod b'mod durevoli fil-mira tagħna ta' tnejn fil-mija.
Valutazzjoni tar-riskji
Qegħdin inkomplu naraw ir-riskji għall-prospetti ekonomiċi bħala ġeneralment ibbilanċjati fuq terminu medju. L-ekonomija tista' taħdem b'mod aktar qawwi milli mistenni jekk l-unitajiet domestiċi isiru aktar kunfidenti u jfaddlu inqas milli mistenni. B'kuntrast, għalkemm l-inċertezzi relatati mal-pandemija naqsu xi ftit, it-tensjonijiet ġeopolitiċi żdiedu. Barra minn hekk, spejjeż persistenti għolja tal-enerġija jistgħu jeżerċitaw effett aktar qawwi milli mistenni fuq il-konsum u l-investiment. Il-pass li bih jiġu solvuti l-konġestjonijiet fil-provvista huwa riskju ulterjuri għall-prospetti għat-tkabbir u l-inflazzjoni. Meta mqabbla mal-aspettattivi tagħna f'Diċembru, ir-riskji għall-prospetti tal-inflazzjoni huma inklinati 'l fuq, partikolarment għal żmien fil-qrib. Jekk il-pressjonijiet tal-prezzijiet jgħaddu għal żidiet fil-pagi ogħla milli antiċipat jew l-ekonomija terġa' lura aktar malajr għall-kapaċità sħiħa, l-inflazzjoni tista' tirriżulta li tkun ogħla.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Ir-rati tal-imgħax tas-suq żdiedu mill-aħħar laqgħa tagħna f’Diċembru. Madankollu, l-ispejjeż tal-finanzjament bankarju s'issa baqgħu mrażżna. Ir-rati tas-self mill-banek għall-impriżi u l-unitajiet domestiċi jibqgħu f’livelli storikament baxxi u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għall-ekonomija jibqgħu favorevoli. Is-self lil impriżi żdied, appoġġjat kemm minn self għal żmien qasir kif ukoll għal żmien itwal. Id-domanda robusta għall-ipoteki qed issostni s-self lill-unitajiet domestiċi. Il-banek issa qed jagħmlu profitt daqs kemm kienu jagħmlu qabel il-pandemija u l-karti tal-bilanċ tagħhom jibqgħu sodi.
Skont l-aħħar Stħarriġ tagħna dwar is-Self Bankarju, id-domanda għal self mill-impriżi żdiedet b'mod qawwi fl-aħħar trimestru tal-2021. Dan kien xprunat kemm minn ħtiġijiet ogħla ta’ kapital tax-xogħol, li rriżultaw minn ostakli fil-provvista, kif ukoll minn żieda fil-finanzjament ta’ investiment fit-tul. Barra minn hekk, il-banek għad għandhom fehma inġenerali pożittiva tar-riskji tal-kreditu, prinċipalment minħabba l-valutazzjoni pożittiva tagħhom tal-prospetti ekonomiċi.
Konklużjoni
Fil-qosor, l-ekonomija taż-żona tal-euro qed tkompli tirkupra, iżda t-tkabbir mistenni jibqa’ mrażżan fl-ewwel trimestru. Filwaqt li l-prospetti għall-inflazzjoni huma inċerti, l-inflazzjoni x'aktarx li tibqa' għolja għal aktar żmien milli mistenni qabel, iżda se tonqos matul din is-sena. Se nibqgħu attenti għad-data li tidħol u nivvalutaw bir-reqqa l-implikazzjonijiet għall-prospetti tal-inflazzjoni fuq terminu medju. Aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna, kif ikun xieraq, biex niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħha ta’ tnejn fil-mija fuq terminu medju.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja