Stqarrija introduttorja għall-konferenza stampa
Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
22 ta’ Ottubru 2015
Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Nixtieq nirringrazzja lill-Gvernatur Bonnici għall-ospitalità ġeneruża tiegħu u nesprimi l-gratitudni speċjali tagħna lejn l-istaff tiegħu għall-organizzazzjoni eċċellenti tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv. Issa se ngħidilkom x’ħareġ mil-laqgħa tagħna.
Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, u skont l-indikazzjonijiet tagħna għall-ġejjieni, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jżomm ir- rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu. Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, l-akkwist tal-assi miexi bla xkiel u qiegħed ikompli jkollu impatt favorevoli fuq il-kost u d-disponibbiltà tal-kreditu għall-kumpaniji u l-individwi.
Il-Kunsill Governattiv baqa’ josserva u jivverifika mill-qrib it-tagħrif li daħal mill-aħħar laqgħa tagħna fil-bidu ta’ Settembru. Filwaqt li d-domanda domestika fiż-żona tal-euro għadha qawwija, it-tħassib dwar il-prospetti tat-tkabbir fis-swieq emerġenti u r-riperkussjonijiet li jistgħu jħallu fuq l-ekonomija l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u tal-prodotti essenzjali qegħdin ikomplu jindikaw riskji b’xejra ta’ tnaqqis għat-tkabbir u l-inflazzjoni fil-ġejjieni. B’mod partikolari, is-saħħa u l-persistenza tal-fatturi li bħalissa qegħdin iżommu lura l-inflazzjoni milli terġa’ lura għal livelli taħt iżda qrib 2% fi żmien medju jitolbu analiżi bir-reqqa. F’dan ir-rigward, il-livell ta’ rikonċiljazzjoni tal-politika monetarja jeħtieġlu jiġi eżaminat mill-ġdid fil-laqgħa tagħna tal-politika monetarja li se ssir f’Diċembru, meta jkollna f’idejna t-tbassir makroekonomiku tal-esperti tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv irid u għandu s-setgħa jaġixxi billi juża l-istrumenti kollha disponibbli fil-mandat tiegħu, jekk dan ikun iġġustifikat, sabiex jinżamm livell xieraq ta’ rikonċiljazzjoni monetarja. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv ifakkar li l-programm tax-xiri ta’ assi huwa flessibbli biżżejjed biex jippermetti l-aġġustament tad-daqs, il-kompożizzjoni u t-tul tiegħu. Sadanittant, se nkomplu nimplimentaw bis-sħiħ l-akkwist ta’ b’kemm jiswew €60 biljun f’assi kull xahar. Huwa maħsub li dan ix-xiri jibqa’ jsir sal-aħħar ta’ Settembru 2016, jew anki wara jekk ikun meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, sakemm naraw aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tagħna li r-rati tal-inflazzjoni jkunu taħt iżda qrib 2% għal żmien medju.
Issa se nispjega b’aktar reqqa l-evalwazzjoni tagħna tat-tagħrif li għandna f’idejna, u nibda bl- analiżi ekonomika. Fuq bażi trimestrali, il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.4% fit-tieni trimestru tal-2015, wara żieda ta’ 0.5% fit-trimestru ta’ qablu. Ir-riżultat tat-tieni trimestru rrifletta l-kontribuzzjonijiet pożittivi kemm tad-domanda domestika kif ukoll tal-esportazzjoni netta. L-aħħar indikaturi mill-istħarriġ juru li r-ritmu tat-tkabbir tal-PDG reali se jibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess fit-tielet trimestru ta’ din is-sena. B’mod ġenerali, nistennew li l-irkupru ekonomiku jkompli, għalkemm se jkun imrażżan, b’mod partikolari, minn domanda barranija aktar dgħajfa milli kien mistenni. Id-domanda domestika għandha tkompli tiġi sostnuta bil-miżuri tal-politika monetarja li ħadna u bl-impatt favorevoli tagħhom fuq il-kundizzjonijiet finanzjarji, kif ukoll bil-progress li sar fil-konsolidament fiskali u r-riformi strutturali. Barra minn hekk, ir-roħs fil-prezzijiet taż-żejt għandu jipprovdi sostenn għad-dħul disponibbli reali tal-individwi u l-profitabilità tal-kumpaniji u, għalhekk, għall-konsum privat u l-investiment. Madankollu, l-irkupru fid-domanda domestika fiż-żona tal-euro jibqa’ mxekkel mill-aġġustamenti meħtieġa fil-karti tal-bilanċ f’għadd ta’ setturi u mir-ritmu iżjed batut tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali.
Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir fiż-żona tal-euro qegħdin ikomplu jonqsu, u dan jirrifletti b’mod partikolari l-inċertezzi kbar fir-rigward tal-iżviluppi fl-ekonomiji tas-swieq emerġenti li jistgħu jkomplu jolqtu ħażin it-tkabbir globali u d-domanda barranija għall-esportazzjoni miż-żona tal-euro. Iż-żieda fl-inċertezza ħarġet biċ-ċar dan l-aħħar fl-iżviluppi fis-swieq finanzjarji, li jista’ jkollhom riperkussjonijiet negattivi fuq id-domanda domestika fiż-żona tal-euro.
Skont l-Eurostat, l-inflazzjoni HICP annwali fiż-żona tal-euro kienet -0.1% f’Settembru 2015, tnaqqis minn 0.1% f’Awwissu. Imqabbla ma’ dik tax-xahar ta’ qabel, din tirrifletti l-aktar il-fatt li kompliet tonqos l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. Skont it-tagħrif disponibbli u l-prezzijiet attwali tal-kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni, ir-rati tal-inflazzjoni HICP annwali se jibqgħu baxxi ħafna fiż-żmien qrib. L-inflazzjoni HICP annwali hi mistennija togħla bejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tas-sena l-ġdida, anki minħabba l-effetti bażi marbutin mat-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt lejn tmiem l-2014. Huwa previst li r-rati tal-inflazzjoni jkomplu jogħlew matul l-2016 u l-2017, sostnuti mill-irkupru ekonomiku mistenni, l-impatt tat-tnaqqis fl-imgħoddi fir-rata tal-kambju tal-euro u l-ipotesi ta’ prezzijiet taż-żejt xi ftit ogħla fis-snin li ġejjin kif riflessi attwalment fis-swieq tal-kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni. Madankollu, hemm riskji li joriġinaw mill-prospettiva ekonomika u mill-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u tal-prodotti essenzjali li jistgħu jkomplu jnaqqsu r-ritmu taż-żieda gradwali fir-rati tal-inflazzjoni għal livelli eqreb it-2%. Il-Kunsill Governattiv qiegħed ikompli josserva mill-qrib dawn ir-riskji.
Għal dik li hija l- analiżi monetarja, id-dejta reċenti tikkonferma t-tkabbir solidu fl-aggregat monetarju wiesa’ (M3), minkejja tnaqqis fir-rata tat-tkabbir annwali tal-M3 għal 4.8% f’Awwissu 2015 minn 5.3% f’Lulju. It-tkabbir annwali fl-M3 qiegħed ikompli jiġi sostnut fil-parti l-kbira mill-komponenti l-aktar likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett (M1) jikber b’rata annwali ta’ 11.4% f’Awwissu, wara 12.2% f’Lulju.
L-iżviluppi fis-self komplew jitjiebu. Ir-rata annwali ta’ bidla fis-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) telgħet għal 0.4% f’Awwissu, żieda minn 0.3% f’Lulju, u kompliet bl-irkupru gradwali mill-bidu tal-2014. Minkejja dan it-titjib, l-iżviluppi fis-self lill-impriżi jkomplu jirriflettu r-relazzjoni staġnata maċ-ċiklu tan-negozju, ir-riskju tal-kreditu, fatturi marbutin mal-provvista tal-kreditu u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tas-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju. Ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self lill-individwi (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) żdiedet għal 1.0% f’Awwissu 2015, imqabbla ma’ 0.9% f’Lulju. L-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għat-tielet trimestru tal-2015 jikkonferma ż-żieda fid-domanda għal self mill-banek, megħjuna mil-livell ġenerali tar-rati tal-imgħax, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal skopijiet ta’ investiment u l-prospetti tas-suq tax-xiri ta’ djar. Barra minn hekk, l-istandards tal-kreditu komplew jillaxkaw fir-rigward tas-self lill-impriżi, l-aktar minħabba ż-żieda fil-pressjonijiet kompetittivi fl-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur, filwaqt li ssikkaw xi ftit fir-rigward tas-self lill-individwi għax-xiri ta’ djar. B’mod ġenerali, il-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn huma sostenn ċar għal titjib kemm fil-kundizzjonijiet tas-self lill-kumpaniji u l-individwi kif ukoll fil-flussi tal-kreditu fiż-żona tal-euro kollha.
Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultati tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja turi l-ħtieġa li jiġu implimentati b’mod riżolut id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv u li jiġi osservat mill-qrib it-tagħrif kollu rilevanti li jidħol fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-prospettiva ta’ żmien medju għall-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-politika monetarja hija ffukata biex iżżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju u x-xejra akkomodanti tagħha ssostni l-attività ekonomika. Madankollu, sabiex naħsdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra tal-politika jridu jikkontribwixxu b’mod deċiżiv. Minħabba li l-qgħad strutturali għadu għoli u t-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni għadu baxx, l-irkupru ċikliku li għaddej għandu jiġi sostnut b’ politika strutturali effettiva. B’mod partikolari, azzjonijiet li jtejbu l-klima tan-negozju, fosthom il-provediment ta’ infrastruttura pubblika adegwata, huma importanti ferm biex jiżdied l-investiment produttiv, tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u tikber il-produttività. L-implimentazzjoni mgħaġġla u effikaċi tar-riformi strutturali fi klima ta’ politika monetarja akkomodanti mhijiex se twassal biss għal tkabbir ekonomiku sostenibbli ogħla fiż-żona tal-euro iżda se tkabbar ukoll l-aspettattivi ta’ dħul permanenti ogħla u tħaffef il-kisba tal-benefiċċji tar-riformi, biex hekk iż-żona tal-euro tkun iżjed kapaċi tilqa’ għax-xokkijiet globali. Il- politika fiskali għandha ssostni l-irkupru ekonomiku filwaqt li tibqa’ konformi mar-regoli fiskali tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir hija kruċjali għall-fiduċja fil-qafas fiskali tagħna. Fl-istess waqt, il-pajjiżi kollha għandhom iħabirku biex il-politika fiskali jkollha kompożizzjoni li tgħin it-tkabbir.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja