- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Rapporti finanzjarji tal-BĊE għall-2023
22 ta’ Frar 2024
- Il-BĊE jirrapporta telf ta’ EUR 1.3 biljun (2022 : żero) wara r-rilaxx ta’ EUR 6.6 biljun mill-provvediment għar-riskji finanzjarji
- Dan it-telf se jiġi riportat fuq il-karta tal-bilanċ tal-BĊE biex jiġi paċut kontra profitti futuri.
Ir-rapporti finanzjarji awditjati tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2023 juru telf ta’ EUR 1,266 miljun (2022 : żero) li se jiġu riportati fuq il-karta tal-bilanċ tal-BĊE biex jiġu paċuti kontra profitti futuri.Dan it-telf iqis ir-rilaxx sħiħ tal-provvediment għar-riskji finanzjarji, li jammonta għal EUR 6,620 miljun, li parzjalment kopra t-telf imġarrab matul is-sena. Mhux se jkun hemm distribuzzjoni ta’ profitti lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) taż-żona tal-euro għall-2023.
It-telf, li ġie wara kważi żewġ deċennji ta’ profitti sostanzjali, jirrifletti r-rwol u l-azzjonijiet ta’ politika neċessarji tal-Eurosistema fit-twettiq tal-mandat primarju tagħha li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u ma għandu l-ebda impatt fuq il-kapaċità tagħha li tmexxi politika monetarja effettiva. Iż-żieda fir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE għall-ġlieda kontra l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro rriżultat f’żieda fl-ispejjeż tal-imgħax fuq l-obbligazzjonijiet tal-BĊE li huma soġġetti għal rati tal-imgħax varjabbli. Madankollu, id-dħul mill-imgħax fuq l-assi tal-BĊE ma żdiedx sa l-istess grad jew bl-istess ritmu, peress li dawk l-assi fil-biċċa l-kbira għandhom rati tal-imgħax fissi u maturitajiet twal. Il-BĊE x’aktarx li jġarrab aktar telf fil-ftit snin li ġejjin, iżda mbagħad huwa mistenni li jerġa’ jibda jagħmel profitti sostnuti. Is-saħħa finanzjarja tal-BĊE hija enfasizzata aktar mill-kapital tiegħu u mill-kontijiet ta’ rivalutazzjoni sostanzjali tiegħu, li flimkien ammontaw għal EUR 46 biljun fi tmiem l-2023. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE jista’ jopera b’mod effettiv u jwettaq il-mandat primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet irrispettivament minn kwalunkwe telf.
Fl-2023, l-ispiża netta tal-imgħax tal-BĊE laħqet total ta’ EUR 7,193 miljun (2022: dħul nett ta’ EUR 900 miljun mill-imgħax), prinċipalment minħabba l-ispiża tal-imgħax li tirriżulta mill-obbligazzjoni netta tal-BĊE fir-rigward tat-TARGET, li kienet tammonta għal EUR 14,236 miljun (2022: €2,075 miljun). L-ispiża ogħla kienet dovuta għaż-żieda fir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MRO), li hija r-rata użata biex tirremunera din l-obbligazzjoni u li żdiedet minn medja ta’ 0.6 % fl-2022 għal medja ta’ 3.8 % fl-2023. Iż-żieda fir-rata tal-MRO wasslet ukoll għal żidiet fid-dħul mill-imgħax fuq is-sehem tal-BĊE mit-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u l-ispiża tal-imgħax imħallsa lill-BĊNi bħala remunerazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fir-rigward tar-riżervi barranin ttrasferiti lill-BĊE, li ammontaw għal EUR 4,817 miljun u EUR 1,335 miljun rispettivament (2022: EUR 736 miljun u EUR 201 miljun rispettivament). Id-dħul nett mill-imgħax minn titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja żdied għal EUR 3,467 miljun (2022: EUR 1,534 miljun), filwaqt li d-dħul nett mill-imgħax fuq assi ta’ riżervi barranin żdied għal EUR 2,382 miljun (2022: €798 miljun). Dawn iż-żidiet irriżultaw prinċipalment minn rendimenti medji ogħla fiż-żona tal-euro u l-Istati Uniti fl-2023.
It-tnaqqis tal-valur ammonta għal €38 miljun (2022: EUR 1,840 miljun), li prinċipalment irriżulta minn telf mhux realizzat fil-prezzijiet fuq għadd ta’ titoli miżmuma fil-portafolli tad-dollaru Amerikan u tal-fondi proprji.
Saru testijiet tal-indeboliment fuq titoli miżmuma mill-BĊE fil-portafolli tal-politika monetarja tiegħu, li huma vvalutati b’kost amortizzat (soġġetti għal indeboliment). Abbażi tar-riżultati ta’ dawn it-testijiet, ma ġie rreġistrat l-ebda telf minn indeboliment għal dawn il-portafolli tal-BĊE.
L-ispejjeż totali tal-persunal żdiedu għal EUR 676 miljun (2022: EUR 652 miljun), minħabba l-għadd medju ogħla ta’ persunal fl-2023, b’mod predominanti fis-superviżjoni bankarja, u l-aġġustamenti tas-salarji. Spejjeż amministrattivi oħrajn żdiedu għal €596 miljun (2022: EUR 572 miljun), l-aktar minħabba r-ritorn għal-livelli sħaħ ta’ attività wara l-pandemija, b’mod partikolari fis-superviżjoni bankarja, u l-impatt tal-inflazzjoni.
Id-dħul mit-tariffi superviżorji, li huwa dderivat mit-tariffi imposti biex jiġu rkuprati l-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu, ammonta għal EUR 654 miljun (2022: €594 miljun).
Id-daqs totali tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE naqas b’EUR 24 biljun għal EUR 674 biljun (2022: €699 biljun). It-tnaqqis kien dovut prinċipalment għal tnaqqis gradwali fl-investimenti fil-programm ta' xiri ta' assi (APP) bħala riżultat tal-investiment mill-ġdid parzjali biss tal-pagamenti ta’ kapital minn titoli li mmaturaw f’dan il-portafoll bejn Marzu u Ġunju 2023, u l-waqfien totali ta’ tali investimenti mill-ġdid minn Lulju 2023.
Karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema
Fi tmiem l-2023, id-daqs tal-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema, li tinkludi l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-BĊNi taż-żona tal-euro u tal-BĊE fil-konfront ta’ partijiet terzi, kien ta’ EUR 6,935 biljun (2022: €7,951 biljun). It-tnaqqis imqabbel mas-sena ta’ qabel kien dovut l-aktar għat-tnaqqis fl-operazzjonijiet ta’ self tal-Eurosistema għal EUR 410 biljun (2022: EUR 1,324 biljun) l-aktar bħala riżultat tal-immaturar u l-ħlas lura bikri ta’ ammonti meħuda b’self fit-tielet serje ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO III). Barra minn hekk, l-investimenti tal-Eurosistema f’titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja naqsu b’EUR 243 biljun għal EUR 4,694 biljun (2022: EUR 4,937 biljun), l-aktar minħabba t-tifdijiet. L-investimenti fl-APP naqsu b’EUR 228 biljun għal EUR 3,026 biljun u l-investimenti tal-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP) naqsu bi EUR 15-il biljun għal EUR 1,666 biljun.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil William Lelieveldt, tel.: +496913447316.
Noti:
- In-numri ppreżentati jistgħu ma jaqblux minħabba t-tqarrib.
- Aktar dettalji dwar il-politika tal-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju tal-BĊE u tal-Eurosistema u dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE jinsabu fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 1) u l-Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2016/34) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 37) u fis-sit web tal-BĊE.
- Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema hija bbażata fuq data provviżorja mhux awditjata. Il-kontijiet annwali tal-BĊNi kollha tal-Eurosistema se jiġu finalizzati sal-aħħar ta’ Mejju 2024, u l-karta tal-bilanċ annwali konsolidata finali tal-Eurosistema se tiġi ppubblikata wara din id-data.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja