- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
L-għadd ta’ karti tal-euro foloz għadu baxx fl-2023
29 ta' Jannar 2024
- 467,000 karta tal-flus tal-euro foloz tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-2023, wieħed mill-aktar livelli baxxi li qatt kien hemm fi proporzjon mat-total tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni
- Aktar minn 70 % tal-karti tal-flus foloz li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni kienu tad-denominazzjoni ta’ €20 u €50
- Il-karti tal-flus tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas sikur u fdat
- Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu vverifikati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
Madwar 467,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-2023. Ftit li xejn hemm probabbiltà li wieħed jirċievi xi karta tal-flus falza, minħabba li l-għadd ta’ karti tal-flus foloz għadu baxx fi proporzjon mal-għadd ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-2023, instabu biss 16-il karta tal-flus foloz għal kull miljun karta tal-flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni, li huwa wieħed mill-iżgħar proporzjonijiet minn mindu ġew introdotti l-karti tal-flus tal-euro (ara t-tabella ta’ hawn taħt).
Ċart:
Għadd ta’ karti tal-flus foloz misjuba kull sena għal kull miljun karta tal-flus tal-euro ġenwina fiċ-ċirkolazzjoni
Għalkemm il-proporzjon huwa żgħir ħafna, l-għadd attwali ta’ karti tal-flus foloz żdied meta mqabbel mal-2022, meta l-għadd ta’ karti tal-flus flus kien eċċezzjonalment baxx wara l-pandemija tal-koronavirus (COVID-19). Fi kwalunkwe każ, l-għadd ta’ karti tal-flus foloz baqa’ inqas mis-snin ta’ qabel il-pandemija.
Id-denominazzjonijiet tal-EUR 20 u l-EUR 50 baqgħu l-aktar iffalsifikati, u flimkien jammontaw għal aktar minn 70 % tat-total (ara t-Tabella 2). 97.2% tal-karti tal-flus foloz instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, filwaqt li 1.9% instabu fi Stati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro u 0.9% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.
Tabella
Analiżi tal-karti tal-flus foloz skont id-denominazzjoni fl-2023
Il-biċċa l-kbira tal-flus foloz tista’ tagħrafhom faċilment billi m’għandhom l-ebda imitazzjoni tal-karatteristiċi tas-sigurtà, jew imitazzjonijiet inferjuri ħafna. Il-pubbliku m’għandux għalfejn ikun imħasseb dwar il-falsifikazzjoni iżda għandu jibqa’ viġilanti. Il-karti tal-flus jistgħu jiġu vverifikati permezz tal-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” deskritt fil-paġna web dedikata dwar il-karatteristiċi ta’ sigurtà u fis-siti web tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. L-Eurosistema tgħin ukoll lill-kaxxiera professjonali biex jiżguraw li l-magni għall-immaniġġjar u l-ipproċessar tal-karti tal-flus li jkunu ġew ittestjati b’suċċess jistgħu jidentifikawhom b'mod affidabbli u jneħħuhom miċ-ċirkolazzjoni.
L-użu ta’ karti tal-flus foloz għall-ħlasijiet hu reat kriminali li jista’ jwassal għal prosekuzzjoni. Jekk tirċievi karta tal-flus suspettuża, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hi ġenwina. Jekk is-suspetti tiegħek jiġu kkonfermati, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-pulizija jew – skont il-prattika nazzjonali –- , lill-bank ċentrali nazzjonali tiegħek jew lill-bank tal-konsumatur jew kummerċjali tiegħek. L-Eurosistema tappoġġa b’mod attiv lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni tal-flus.
Għal domandi mill-media, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Nicos Keranis, tel.: +49 172 758 7237.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja