- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-BĊE jagħmel stħarriġ fost l-Ewropej dwar temi ġodda għall-karti tal-flus tal-euro
10 July 2023
- L-Ewropej huma mistiedna biex jesprimu l-preferenzi tagħhom dwar temi f’lista mqassra fi stħarriġ pubbliku miftuħ sal-31 ta’ Awwissu 2023
- Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE huwa mistenni li jagħżel it-tema futura sal-2024, u d-disinni finali fl-2026
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qiegħed jistaqsi liċ-ċittadini Ewropej għalll-fehmiet tagħhom dwar it-temi proposti għas-serje li jmiss ta’ karti tal-flus tal-euro. Mill-10 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu 2023 kullħadd fiż-żona tal-euro jista’ jwieġeb għal stħarriġ fuq is-sit web tal-BĊE. Barra minn hekk, żabiex jiġi żgurat li l-opinjonijiet minn madwar iż-żona tal-euro jiġu rrappreżentati b’mod ugwali, il-BĊE qabbad lil kumpanija tar-riċerka indipendenti biex tistaqsi lil kampjun rappreżentattiv ta’ persuni fiż-żona tal-euro l-istess mistoqsijiet bħal dawk fl-istħarriġ tiegħu stess.
Il-President tal-BĊE Christine Lagarde tistieden lil kullħadd biex jipparteċipa fl-istħarriġ. Hija qalet “Hemm rabta b’saħħitha bejn il-munita unika tagħna u l-identità komuni Ewropea tagħna, u s-serje l-ġdida tagħna ta’ karti tal-flus għandha tenfasizza dan. Irridu li l-Ewropej jidentifikaw mad-disinn tal-karti tal-flus tal-euro, li hija r-raġuni għaliex se jkollhom rwol attiv fl-għażla tat-tema l-ġdida.”
Niżviluppaw il-karti tal-flus tal-euro futuri tagħna
“Qed naħdmu fuq serje ġdida ta’ karti tal-flus b’teknoloġija avvanzata bil-għan li jiġi evitat l-iffalsifikar u jitnaqqas l-impatt ambjentali,” qal il-membru tal-Bord Eżekuttiv Fabio Panetta. “Aħna imipenjati lejn il-flus kontanti u biex niżguraw li l-ħlas bi flus pubbliċi dejjem ikun opzjoni.”
Huwa d-dmir tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro biex jiżguraw li l-karti tal-flus tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas innovattiv, sigur u effiċjenti. L-iżvilupp ta’ serje ġdida ta’ karti tal-flus huwa prattika standard għall-banek ċentrali kollha. F’dinja fejn it-teknoloġiji tar-riproduzzjoni qegħdin jevolvu b’mod mgħaġġel u fejn il-falsifikaturi jistgħu jaċċessaw faċilment informazzjoni u materjali, huwa neċessarju li jinħarġu karti tal-flus ġodda fuq bażi regolari. Lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà, il-BĊE huwa impenjat li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, filwaqt li jagħmilhom aktar relatabbli u inklużivi għall-Ewropej ta’ kull età u sfond, inklużi l-gruppi vulnerabbli bħall-persuni li jbatu biex jaraw.
Temi fil-lista l-qasira għall-karti tal-flus futuri
Is-seba’ temi li tpoġġew fil-lista l-qasira mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma elenkati hawn isfel.[1]
Il-futur huwa tiegħek
L-ideat u l-innovazzjonijiet li se jsawru l-futur tal-Ewropa jinsabu fil-fond f’kull Ewropew. Ix-xbihat maħluqa għal din it-tema jirrappreżentaw dawk li jġorru l-immaġinazzjoni kollettiva li permezz tagħha n-nies se joħolqu dan il-futur kondiviż. Din it-tema tfisser il-potenzjal bla qies tal-Ewropej.
Il-kultura Ewropea
Il-wirt kulturali għani tal-Ewropa u s-setturi kreattivi dinamiċi jsaħħu l-identità Ewropea, u jsawru sens kondiviż ta’ appartenenza. Il-kultura tippromwovi valuri komuni, inklużjoni u djalogu fl-Ewropa u madwar id-dinja. Iġġib lin-nies flimkien.
Il-valuri Ewropej riflessi fin-natura
L-Ewropa hija post ħaj, iżda wkoll idea. L-UE hi organizzazzjoni, iżda wkoll ġabra ta' valuri. It-tema tenfasizza r-rwol tal-valuri Ewropej bħala l-elementi fundamentali tal-Ewropa u torbot dawn il-valuri mar-rispett tagħna għan-natura u l-preservazzjoni tal-ambjent.
Ix-xmajjar: l-ilmijiet tal-ħajja fl-Ewropa
Ix-xmajjar Ewropej jaqsmu l-fruntieri. Jgħaqqduna ma’ xulxin u man-natura. Jirrappreżentaw il-fluss ta’ kontinent dinamiku, li dejjem jinbidel. Irawmuna u jfakkruna fis-sorsi profondi tal-ħajja komuni tagħna, u aħna rridu nrawmuhom min-naħa tagħna.
Il-lista l-qasira ta’ temi tikkunsidra s-suġġerimenti magħmula minn grupp ta’ konsulenza multidixxiplinarju, b’membri mill-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro.
L-Ewropa tagħna, aħna nnifisna
Aħna nikbru bħala individwi iżda wkoll bħala parti minn komunità, permezz tar-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin. Għandna l-istorja u l-identitajiet tagħna, iżda aħna wkoll naqsmu identità komuni bħala Ewropej. Din it-tema tevoka l-libertà, il-valuri u l-ftuħ tan-nies fl-Ewropa.
L-għasafar: ħielsa, reżiljenti, ispiranti
L-għasafar ma jafu xejn dwar il-fruntieri nazzjonali u jissimbolizzaw il-libertà tal-moviment. Il-bejtiet tagħhom ifakkruna fix-xewqa tagħna stess li nibnu postijiet u soċjetajiet li jrawmu u jħarsu l-futur. Ifakkruna li naqsmu l-kontinent tagħna mal-forom kollha tal-ħajja li jsostnu l-eżistenza komuni tagħna.
L-idejn: flimkien nibnu l-Ewropa
L-idejn huma familjari għalina lkoll iżda l-ebda żewġ pari ma huma l-istess. L-idejn bnew l-Ewropa, l-infrastruttura fiżika tagħha, il-wirt artistiku tagħha u l-kisbiet tagħha. L-idejn jibnu, jinsġu, ifejqu, jgħallmu, jgħaqqdu, u jiggwidawna. L-idejn jirrakkontaw stejjer ta’ xogħol, età u relazzjonijiet, ta’ wirt, storja, u kultura. Din it-tema tiċċelebra l-idejn li bnew l-Ewropa u nkomplu jagħmlu hekk kuljum.
L-iskeda taż-żmien għad-disinji l-ġidda
L-eżitu tal-istħarriġ se jintuża mill-BĊE biex jagħżel it-tema għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ karti tal-flus sal-2024. Wara dan se ssir kompetizzjoni tad-disinn. Iċ-ċittadini Ewropej għal darb’oħra se jkollhom l-opportunità li jesprimu l-preferenzi tagħhom dwar l-opzjonijiet ta’ disinn li jirriżultaw minn dik il-kompetizzjoni. Il-BĊE huwa mistenni li jieħu d-deċiżjoni dwar id-disinn futur, u dwar meta jipproduċi u joħroġ il-karti tal-flus il-ġodda, fl-2026.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Belén Pérez Esteve, tel.: +49 173 533 4269
It-temi jidhru hawnhekk f’ordni alfabetika u ma jirriflettux ordni ta’ preferenza fi ħdan il-lista l-qasira.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja