- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
11 ta’ Marzu 2021
Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin:
L-ewwel, il-Kunsill Governattiv se jkompli jwettaq xiri nett ta’ assi taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ €1,850 biljun sa mill-inqas l-aħħar ta’ Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm jiġġudika li l-fażi tal-kriżi tal-koronavirus spiċċat. Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament u l-prospetti tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv jistenna li x-xiri taħt il-PEPP matul it-tliet xhur li ġejjin isir b'pass ferm ogħla minn dak tal-ewwel xhur ta’ din is-sena.
Il-Kunsill Governattiv se jixtri b'mod flessibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq u bil-ħsieb li jipprevjeni issikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament li jkun inkonsistenti mal-ġlieda kontra l-impatt ’l isfel tal-pandemija fuq it-triq proġettata tal-inflazzjoni. Barra minn hekk, il-flessibilità tax-xiri maż-żmien, fost il-klassijiet tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet se tkompli tappoġġja t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Jekk kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament jistgħu jinżammu bi flussi ta' xiri ta’ assi li ma jeżawrixxux il-pakkett fuq l-orizzont nett ta' xiri tal-PEPP, il-pakkett m’għandux għalfejn jintuża għalkollox. Bl-istess mod, il-pakkett jista’ jiġi kkalibrat mill-ġdid jekk meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli biex jgħinu fil-ġlieda kontra x-xokk negattiv tal-pandemija għat- triq tal-inflazzjoni.
Il-Kunsill Governattiv se jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas l-aħħar tal-2023. Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun ġestita biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
It-tieni, ix-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) se jkompli b'pass ta’ €20 biljun kull xahar. Il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri ta’ assi netti ta’ kull xahar taħt l-APP jibqa’ għaddej sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt akkomodattiv tar-rati tal-politika tiegħu, u jispiċċa ftit qabel ma jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE.
Il-Kunsill Governattiv għandu l-intenzjoni wkoll li jkompli jinvesti mill-ġdid, b’mod sħiħ, il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex iżomm kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad abbundanti ta' akkomodament monetarju.
It-tielet, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta' self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess f’0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti jew aktar baxxi tagħhom sakemm ikun ra l-prospetti tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod qawwi għal livell qrib biżżejjed, iżda taħt, it-2% fl-orizzont tal-projezzjoni tiegħu, u tali konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill Governattiv ser ikompli jipprovdi biżżejjed likwidità permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tiegħu. B’mod partikolari, it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati fuq żmien itwal (TLTRO III) tibqa’ sors attraenti ta’ finanzjament għall-banek, li tappoġġja self bankarju lill-impriżi u lill-unitajiet domestiċi.
Il-Kunsill Governattiv jibqa’ jkun lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni timxi lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, skont l-impenn tiegħu għas-simetrija.
Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftieħem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja