- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Rendikonti finanzjarji tal-BĊE għall-2018
21 ta’ Frar 2019
- Il-qligħ tal-BĊE żdied bi €0.3 biljun għal €1.6 biljun fl-2018 (2017: €1.3 biljun) u tqassam kollu lill-banek ċentrali nazzjonali
- Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja: €1.2 biljun (2017: €1.1 biljun)
- Il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdiedet għal €447 biljun (2017: €414 biljun)
Ir-rendikonti finanzjarji verifikati tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2018 juru li l-qligħ għas-sena żdied bi €301 miljun, għal €1,575 miljun, l-aktar bħala riżultat ta’ dħul nett ogħla mill-imgħax fuq il-portafoll tad-dollari Amerikani u fuq il-portafoll tal-programm tax-xiri ta’ assi (APP).
Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €2,277 miljun fl-2018 (2017: €1,812 miljun). Id-dħul nett mill-imgħax fuq l-assi f’riżervi barranin żdied għal €862 miljun (2017: €534 miljun) minħabba ż-żieda fid-dħul mill-imgħax fuq il-portafoll tad-dollaru Amerikan. Id-dħul nett mill-imgħax mill-programm APP żdied bi €245 miljun, għal €820 miljun minħabba li kompla x-xiri ta’ titoli f’dan il-programm u minħabba redditi ogħla tat-titoli akkwistati matul is-sena meta mqabbla mar-redditu storiku tal-portafoll. Min-naħa l-oħra, minħabba l-fidi, id-dħul nett mill-imgħax iġġenerat mill-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP) naqas għal €384 miljun (2017: €447 miljun). Id-dħul tal-BĊE mill-imgħax fuq l-investimenti fl-SMP f’bonds tal-gvern Grieg ammonta għal €127 miljun (2017: €154 miljun).
It-telf realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji kien ta’ €77 miljun (2017: qligħ realizzat €161 miljun), minħabba t-telf realizzat fil-prezzijiet iġġenerat fil-portafoll tad-dollaru Amerikan.
Il-valutazzjoni negattiva kienet ta’ €69 miljun (2017: €105 miljun), l-iżjed minħabba tnaqqis fil-valur tas-suq ta' għadd ta' titoli miżmuma fil-portafoll tad-dollaru Amerikan flimkien ma' żieda fir-redditi korrispondenti.
Isiru testijiet tal-indeboliment fuq it-titoli miżmuma mill-BĊE fil-portafolli tiegħu tal-politika monetarja, li jiġu valutati b'kost amortizzat (soġġetti għal indeboliment). Abbażi tar-riżultati ta' dawn it-testijiet, ma ġie reġistrat ebda telf minn indeboliment għal dawn il-portafolli.
It-tariffi imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni kienu ta’ €518 miljun (2017: €437 miljun). Dawn it-tariffi jiġu imposti biex jiġu rkuprati l-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu. Iż-żieda fl-2018 hi relatata l-iżjed ma’ xogħol assoċjat ma’ valutazzjonijiet komprensivi u t-testijiet tal-EBA dwar l-istress.
L-ispejjeż totali tal-istaff naqsu għal €515 miljun (2017: €535 miljun) minħabba spiża mhux rikorrenti inkluża fl-2017 fir-rigward ta’ beneficcji ta’ wara l-impjieg, beneficcji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni għall-istaff tal-BĊE. L-ispejjeż amministrattivi l-oħra żdiedu għal €599 miljun (2017: €539 miljun) l-iżjed minħabba ż-żieda fl-ispejjeż relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE.
Il-qligħ nett tal-BĊE jitqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN). Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam qligħ interim ta’ €1,191 miljun, lill-BĊN taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2019. Fil-laqgħa tal-bieraħ, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam il-bqija tal-qligħ, ta’ €384 miljun, fit-22 ta’ Frar 2019.
Id-daqs totali tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdied bi 8% għal €447 biljun (2017: €414 biljun). Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għat-titoli mixtrija fil-programm APP.
Ix-xiri kontinwu ta' titoli fil-programm APP wassal għal żieda fil-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema, li żdiedet bi 5% għal €4,702 biljun (2017: €4,468 biljun). L-investimenti tal-Eurosistema f’titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja żdiedu bi €265 biljun għal €2,651 biljun (2017: €2,386 biljun). L-investimenti fl-APP żdiedu bi €284 biljun għal €2,570 biljun, waqt li t-titoli miżmuma fl-ewwel żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti u fl-SMP naqsu bi €2 biljun u €16-il biljun rispettivament minħabba l-fidi.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil William Lelieveldt, tel.: +49 69 1344 7316.
Noti:
- Aktar dettalji dwar il-politika tal-kontabilità u tar-rappurtar finanzjarju tal-BĊE u l-Eurosistema u dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE jinsabu fil-websajt tal-BĊE fis-sezzjonijiet Kontabilità u rappurtar u Kontijiet annwali, rispettivament.
- Investimenti tal-Eurosistema fil-programm SMP: it-tabella ta’ hawn taħt turi t-tqassim skont il-pajjiżi emittenti tal-ammonti pendenti tal-investimenti tal-Eurosistema fil-programm SMP fil-31 ta’ Diċembru 2018.
Investimenti totali tal-Eurosistema fl-SMP skont il-pajjiż emittenti fil-31 ta' Diċembru 2018
Pajjiż emittenti |
Ammont nominali (EUR biljuni) |
Valur nett tal-assi [1] (EUR biljuni) |
Medja tal-maturità li fadal (snin) |
Irlanda |
5.8 |
5.7 |
1.7 |
Greċja |
8.3 |
7.8 |
2.1 |
Spanja |
14.2 |
14.2 |
1.7 |
Italja |
40.7 |
40.2 |
1.5 |
Portugall |
5.3 |
5.3 |
1.6 |
Total[2] |
74.3 |
73.1 |
1.7 |
[1] L-investimenti fl-SMP jiġu valutati b’kost amortizzat.
[2] It-totali jistgħu ma jaqblux minħabba żieda/tnaqqis sal-eqreb ċifra sħiħa.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja