Il-falsifikazzjoni tal-karti tal-euro tibqa’ baxxa fl-ewwel sitt xhur tal-2017
- 331,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2017
- Madwar 85% tal-karti tal-flus foloz kienu tal-€20 u l-€50
- Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
- Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
Madwar 331,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2017, tnaqqis imqabbel mat-tieni sitt xhur tal-2016. Għalhekk il-probabbiltà li tirċievi karta tal-flus falza hi minima. L-għadd ta' karti tal-flus foloz jibqa' baxx ħafna meta jitqabbel mal-għadd tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, li minn meta ġew introdotti, baqa' dejjem jiżdied, b'rati ogħla minn dik tat-tkabbir tal-PDG. Pereżempju, fl-2016, l-għadd u l-valur ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni żdiedu b'madwar 7.0% u 3.9% rispettivament. Bħalissa hemm iżjed minn 20 biljun karta tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, b'valur totali ta' iżjed minn €1.1 triljun.
Hawn taħt jidhru ċ-ċifri għal kull sitt xhur:
Perjodu |
2014/1 |
2014/2 |
2015/1 |
2015/2 |
2016/1 |
2016/2 |
2017/1 |
Għadd ta’ karti tal-flus foloz |
331,000 |
507,000 |
454,000 |
445,000 |
331,000 |
353,000 |
331,000 |
Analiżi skont id-denominazzjoni:
Denominazzjoni |
€5 |
€10 |
€20 |
€50 |
€100 |
€200 |
€500 |
Analiżi perċentwali |
1.0% |
2.4% |
36.9% |
47.6% |
9.0% |
1.6% |
1.5% |
Matul l-ewwel sitt xhur tal-2017:
- il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet li ġew iffalsifikati. Flimkien, kienu jgħoddu 85% tat-total ta’ karti tal-flus foloz;
- il-biċċa l-kbira (96.7%) tal-karti tal-flus foloz instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Madwar 2.3% instabu fi Stati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro u 1.0% instab f’partijiet oħra tad-dinja.
Iċċekkja l-karti tal-flus tiegħek!
Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – i.e. il-BĊE u d-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jirċievi karti tal-flus. Tista' tiċċekkja l-karti tal-flus teigħek bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fit-taqsima “L-euro” fil-websajt tal-BĊE u l-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali. Jekk tirċievi karta tal-flus li tqajjem suspett, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hi tajba. Jekk tikkonferma s-suspetti tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-pulizija, jew lill-bank ċentrali ta’ pajjiżek jew lill-bank tiegħek, skont il-prattika nazzjonali. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni.
L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz, u biex tgħin lill-kaxxiera professjonali jaċċertaw ruħhom li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu kapaċi jidentifikaw b’mod affidabbli l-karti tal-flus foloz u jneħħuhom miċ-ċirkolazzjoni.
L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. Il-karti tal-flus tas-sensiela Europa huma aktar siguri u jgħinu lill-pubbliku jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu fil-munita.
Il-karta l-ġdida tal-€50, bil-karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda tagħha, ħarġet fl-4 ta’ April 2017. Il-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus, u fornituri oħra, se jkomplu jsibu l-għajnuna tal-Eurosistema biex jaġġornaw il-magni u t-tagħmir ta’ verifika tagħhom għall-karta l-ġdida. Jekk l-apparat tagħhom jibqa’ ma jaċċettax din il-karta tal-flus, l-operaturi u s-sidien għandhom jikkuntattjaw lill-fornituri jew lill-manifatturi tagħhom mill-aktar fis.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Eszter Miltényi-Torstensson +49 69 1344 8034.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja