Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-Eurosistema tħejji għad-dħul tal-karta l-ġdida tal-€50

16 ta' Ġunju 2016
  • Il-karta l-ġdida tal-€50 tas-sensiela Europa se tiġi preżentata fil-5 ta’ Lulju 2016
  • Il-BĊE u sħabu se jiżguraw li l-magni jkunu aġġornati għall-karta l-ġdida tal-€50

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – l-Eurosistema – se jippreżentaw il-karta l-ġdida tal-€50 tas-sensiela Europa għall-ewwel darba fil-pubbliku fil-5 ta’ Lulju 2016. Huwa maħsub li l-karta l-ġdida tidħol fiċ-ċirkolazzjoni fir-rebbiegħa tal-2017. Manifatturi ta’ apparat tal-karti tal-flus, assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-BĊE ffirmaw memorandum ta’ qbil sabiex isaħħu l-impenn tagħhom u jiżguraw li l-magni tal-bejgħ, tal-biljetti u oħrajn li jieħdu l-karti tal-flus se jaħdmu bil-karta l-ġdida tal-€50 sa minn meta toħroġ fl-idejn. Huma ntrabtu wkoll li jgħaddu tagħrif fuq il-karta l-ġdida tal-flus lill-klijenti, sħab, impjegati u parteċipanti oħra interessati.

“Aħna – l-Eurosistema u sħabna fl-industrija – bdejna nħejju għad-dħul tal-karta l-ġdida tal-€50 minn kmieni, sabiex inkunu ċerti li n-negozji jkunu lesti u n-nies ikunu jistgħu jużaw il-karti l-ġodda bla tfixkil kullimkien sa mill-jum li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni,” qal Ton Roos, Direttur Karti tal-flus fil-BĊE.

Il-karta tal-€50 hija l-iżjed denominazzjoni li tintuża mill-karti tal-euro kollha. Iżjed minn 8 biljun karta tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni huma karti tal-€50, jiġifieri madwar 45% tat-total.

Il-BĊE u sħabu organizzaw seminar għall-manifatturi ta’ apparat tal-karti tal-flus u oħrajn fil-Banco de España, Madrid, fil-15 ta’ Ġunju 2016. Is-seminar sar biex jgħin lis-sħab fil-programm iħejju ruħhom għall-introduzzjoni tal-karta l-ġdida tal-€50 u jitħaffef l-aġġornament ta’ apparat li jipproċessa l-karti tal-flus.

Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema ilhom minn April joffru lill-manifatturi ta’ apparat li jipproċessa l-karti tal-flus l-opportunità li jagħmlu testijiet bil-karti l-ġodda tal-€50 fil-bini tal-banek ċentrali nazzjonali. Minn Lulju li ġej se joffru wkoll b’self karti tal-€50 ġdida lil dawk il-manifatturi ta’ apparat tal-karti tal-flus interessati u lil partijiet terzi rilevanti oħra biex jagħmlu testijiet fl-uffiċċji tagħhom u f’postijiet fejn hemm apparat tal-karti tal-flus. L-Eurosistema toffri wkoll firxa wiesgħa ta’ materjal b’tagħrif lill-partijiet kollha interessati, fosthom permezz tal-Programm ta’ Sħubija, sabiex tgħinhom iħarrġu u jinfurmaw lill-impjegati u l-klijenti tagħhom kif ukoll liċ-ċittadini taż-żona tal-euro fuq il-karta l-ġdida tal-€50 u l-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħha.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Eszter Miltényi-Torstensson (+49 69 1344 8034).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja