Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Rendikonti finanzjarji tal-BĊE għall-2015

18 ta' Frar 2016

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel 15:00 CET tal-Ħamis 18 ta’ Frar 2016
  • Qligħ nett tal-BĊE għall-2015: €1,082 miljun (2014: €989 miljun)
  • Dħul nett mill-imgħax mill-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP): €609 miljun (2014: €728 miljun)
  • Dħul nett mill-imgħax mill-programm estiż ta’ xiri ta’ assi (APP): €161 miljun (2014: €2 miljun)
  • Spiża rkuprata mill-kompiti superviżorji permezz tat-tariffi: €277 miljun (2014: €30 miljun)
  • Dħul mill-imgħax mill-karti tal-flus: €42 miljun (2014: €126 miljun)
  • Daqs tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE: €257 biljun (2014: €185 biljun)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) approva l-Kontijiet Annwali verifikati tal-BĊE għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2015.

Il-qligħ nett tal-BĊE għall-2015 kien ta’ €1,082 miljun (2014: €989 miljun). Iż-żieda ġiet minn qligħ ogħla realizzat mill-bejgħ ta’ titoli fl-2015. Barra dan, fl-2014 il-BĊE rkupra l-ispiża mġarrba relatata mal-kompiti superviżorji għal Novembru u Diċembru biss, filwaqt li fl-2015 ġew irkuprati l-ispejjeż għas-sena kollha.

Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam qligħ interim ta’ €812-il miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fid-29 ta’ Jannar 2016. Fil-laqgħa tal-bieraħ il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam il-bqija tal-qligħ, li jammonta għal €270 miljun, lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fid-19 ta’ Frar 2016.

Id-dħul tal-BĊE jiġi l-aktar mill-qligħ mill-investimenti li għandu fil-portafoll tar-riżervi barranin u fil-portafoll tal-fondi proprji, mid-dħul mill-imgħax mis-sehem tiegħu ta’ 8% mit-total tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u, f’dawn l-aħħar snin, mid-dħul nett mill-imgħax minn titoli akkwistati għall-għanijiet tal-politika monetarja.

Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €1,475 miljun fl-2015 (2014: €1,536 miljun). Dan kien jinkludi dħul ta’ €42 miljun mill-imgħax mis-sehem tal-BĊE mit-total tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (2014: €126 miljun) u dħul nett mill-imgħax ta’ €609 miljun (2014: €728 miljun) mit-titoli akkwistati fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli ( Securities Markets Programme – SMP), li minnhom €224 miljun (2014: €298 miljun) ġew mill-investimenti fl-SMP li għandu l-BĊE f’bonds tal-gvern Grieg. Jinkludi wkoll dħul nett mill-imgħax ta’ €120 miljun (2014: €173 miljun) minn titoli akkwistati fl-ewwel żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti u €161 miljun minn titoli akkwistati fil-programm estiż ta’ xiri ta’ assi ( asset purchase programme – APP) (2014: €2 miljun). Il-BĊE ħallas remunerazzjoni ta’ €18-il miljun (2014: €57 miljun) lill-banek ċentrali nazzjonali għall-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi f’riżervi barranin li trasferew lill-BĊE, filwaqt li d-dħul mill-imgħax mill-assi f’riżervi barranin kien ta’ €283 miljun (2014: €217-il miljun).

Il-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji kien ta’ €214-il miljun (2014: €57 miljun).

Il-valutazzjoni negattiva ammontat għal €64 miljun fl-2015 (2014: €8 miljun). Iż-żieda fil-valutazzjoni negattiva fl-2015 kienet dovuta l-aktar għat-tnaqqis ġenerali fil-valur tas-suq tat-titoli miżmumin fil-portafoll tad-dollaru Amerikan.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE jiġbru fihom l-ispiża tal-istaff u l-ispejjeż amministrattivi l-oħra kollha. Meta l-BĊE ħa f’idejh il-kompiti superviżorji, kien hemm żieda gradwali fl-għadd ta’ membri tal-istaff u għalhekk l-ispiża tal-istaff żdiedet għal €441 miljun fl-2015 (2014: €301 miljun).

Spejjeż amministrattivi oħra, fosthom id-deprezzament, kiri ta’ bini, tariffi professjonali u prodotti u servizzi oħra, ammontaw għal €423 miljun fl-2015 (2014: €376 miljun). Iż-żieda f’dawn l-ispejjeż tirrifletti l-aktar il-bidu tad-deprezzament tal-bini l-ġdid tal-BĊE.

L-ispiża mġarrba mill-BĊE marbuta mal-kompiti superviżorji tiegħu ġiet irkuprata permezz tat-tariffi imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni għas-sena 2015 kollha, filwaqt li għall-2014 ġiet irkuprata biss l-ispiża mġarrba fl-aħħar xahrejn tas-sena. Dan wassal għal żieda fid- dħul nett/spiża netta mit-tariffi u l-kummissjonijiet. It-tariffi relatati mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għall-2015 ammontaw għal €277 miljun (Nov-Diċ 2014: €30 miljun).

Id-daqs totali tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdied bi €72 biljun għal €257 biljun fl-2015 (2014: €185 biljun). Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għat-titoli akkwistati fl-APP, l-apprezzament tal-assi f’riżervi barranin miżmumin mill-BĊE u ż-żieda fil-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni.

Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema [1] ammontat għal €2,781 biljun fi tmiem l-2015, imqabbla ma’ €2,208 biljun fi tmiem l-2014. Iż-żieda kienet dovuta l-aktar għall-akkwist ta’ titoli fl-APP li għadu sejjer.

L-investimenti tal-Eurosistema f’titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja żdiedu b’€586 biljun għal €803 biljun (2014: €217-il biljun). It-titoli miżmumin fl-SMP naqsu b’€21 biljun minħabba l-fidi. Dan it-tnaqqis ġie paċut kollu mit-titoli akkwistati fl-APP. Fil-31 ta’ Diċembru 2015 l-investimenti fl-APP kienu jammontaw għal €650 biljun (2014: €31 biljun).

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Stefan Ruhkamp (+49 69 1344 5057) Noti

  1. Il-politika tal-kontabilità tal-BĊE u l-Eurosistema: Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa politika tal-kontabilità komuni għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skont l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u din ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. [2] Għalkemm hija bbażata b’mod ġenerali fuq il-prattika tal-kontabilità aċċettata b’mod internazzjonali, din il-politika tfasslet speċjalment għaċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Tingħata prominenza partikolari lill-prinċipju tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom skoperturi kbar għar-riskju tal-kambju. Din ix-xejra prudenti tapplika b’mod partikolari għat-trattament differenti tal-qligħ u t-telf mhux realizzat għall-għan tal-għarfien tad-dħul, u għall-projbizzjoni fuq l-innettjar tat-telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi mal-qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-qligħ mhux realizzat jiġi trasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. It-telf mhux realizzat li jaqbeż il-bilanċi relatati tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni jitqies bħala spiża fi tmiem is-sena. It-telf minn indeboliment jgħaddi kollu kemm hu fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf. Bħala parti mill-Eurosistema, il-banek ċentrali nazzjonali kollha taż-żona tal-euro jridu jimxu ma’ din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ kull ġimgħa u fil-karta tal-bilanċ annwali konsolidata tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-banek ċentrali nazzjonali japplikaw minn rajhom b’mod ġenerali l-istess politika tal-BĊE meta jħejju r-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. It-titoli li bħalissa huma miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat (suġġett għal indeboliment). Fl-2015 l-akkwist ta’ assi fit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3) u fil-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP) ġie estiż biex jinkludi programm ta’ xiri ta’ assi mis-settur pubbliku (PSPP). Is-CBPP3, l-ABSPP u l-PSPP flimkien jikkostitwixxu l-programm estiż ta’ xiri ta’ assi (APP). Ix-xiri kollu fl-APP kull xahar mill-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE jammonta għal €60 biljun bħala medja u huwa maħsub li se jibqa’ jsir sa tmiem Marzu 2017 u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu li r-rati tal-inflazzjoni jinżammu taħt iżda qrib 2% għal żmien medju.
  3. Titoli negozjabbli, barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja, jiġu rivalutati bil-prezzijiet tas-suq.
  4. Id-deheb u l-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha denominati f’munita barranija inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi mill-karta tal-bilanċ jinqalbu f’euro bir-rata tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ.
  5. Remunerazzjoni tal-assi f’riżervi barranin trasferiti lill-BĊE: Meta bank ċentrali nazzjonali jittrasferixxi assi f’riżervi barranin lill-BĊE malli jissieħeb fl-Eurosistema, huwa jakkwista klejm remunerata mal-BĊE ekwivalenti għall-ammont li jittrasferixxi. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li dawn il-klejms ikunu denominati f’euro u jiġu remunerati kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex tqis ir-rata ta’ qligħ mill-komponent tad-deheb bħala żero.
  6. Tqassim tal-qligħ/allokazzjoni tat-telf: Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, sa 20% tal-qligħ nett ta’ kwalunkwe sena jista’ jiġi trasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu li jkun ekwivalenti għal 100% tal-kapital tal-BĊE. Il-bqija tal-qligħ nett għandha titqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom.
  7. Fil-każ li l-BĊE jġarrab telf, l-iżbilanċ jista’ jiġi paċut (a) mill-provediment ġenerali tar-riskju u mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE; u (b) mid-dħul monetarju għas-sena finanzjarja rilevanti, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv. Fl-aħħar, kwalunkwe telf nett li jibqa’ jista’ jidher fil-Karta tal-Bilanċ bħala telf li jittella’ u jiġi paċut ma’ kwalunkwe dħul nett li jidħol fis-sena/snin ta’ wara.
  8. Investimenti tal-Eurosistema fl-SMP: It-tabella hawn taħt turi t-tqassim skont l-emittent tal-ammonti pendenti tal-investimenti tal-Eurosistema fl-SMP fil-31 ta’ Diċembru 2015.

L-investimenti tal-Eurosistema fl-SMP fil-31 ta Diċembru 2015

Pajjiż emittent

Ammont nominali

(biljuni ta’ EUR)

Valur deprezzat *

(biljuni ta’ EUR)

Medja tal-maturità

li fadal

(snin)

Irlanda

9.7 9.4 3.3

Greċja

14.6 13.4 3.5

Spanja

26.4 26.2 3.1

Italja

63.5 61.8 3.4

Portugall

12.4 12.1 2.8

Total**

126.7 123.0 3.3

* L-investimenti fl-SMP jiġu valutati b’kost amortizzat.

** It-totali jistgħu ma jaqblux minħabba t-tqarrib taċ-ċifri.

  1. [1]Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema hija bbażata fuq dejta proviżorja mhix verifikata. Il-kontijiet annwali tal-banek ċentrali nazzjonali kollha se jiġu finalizzati sal-aħħar ta’ Mejju 2016 u l-karta tal-bilanċ annwali konsolidata finali tal-Eurosistema se tiġi ppubblikata wara din id-data.

  2. [2]Id-Deċiżjoni BĊE/2010/21 tal-11 ta’ Novembru 2010, ĠU L 35, 9.2.2011, p. 1, kif emendata, fiha l-politika dettaljata tal-kontabilità tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja