Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-Litwanja tissieħeb fiż-żona tal-euro

1 ta' Jannar 2015

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel nofsillejl CET tal-Ħamis 1 ta’ Jannar 2015
  • Il-Litwanja tibda tuża l-euro
  • Lietuvos bankas isir membru tal-Eurosistema
  • Il-Litwanja tissieħeb ukoll fis-superviżjoni bankarja tal-BĊE fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħabbar li l-euro beda jiċċirkola fil-Litwanja mil-lum, biex issa l-għadd ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li jużaw il-munita unika Ewropea tela’ għal 19.

“F’isem il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, nixtieq nifraħ liż-żona tal-euro li kompliet tikber. Il-Litwanja ħadet miżuri eċċezzjonali fi żminijiet diffiċli biex tilħaq l-għan tagħha li tissieħeb fil-munita unika,” qal il-President tal-BĊE Mario Draghi.

Lietuvos bankas, il-bank ċentrali nazzjonali tal-Litwanja, sar membru tal-Eurosistema, is-sistema ta’ banek ċentrali taż-żona tal-euro, li hija magħmula mill-BĊE u 19-il bank ċentrali nazzjonali. Il-Litwanja ssieħbet ukoll fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, li jiġbor il-banek il-kbar taħt is-superviżjoni tal-BĊE. Tliet banek Litwani (SEB bankas, Swedbank u DNB bankas) huma suġġetti għas-superviżjoni diretta tal-BĊE. Dawn diġà saritilhom l- evalwazzjoni komprensiva, verifika tas-saħħa finanzjarja ta’ 130 bank fiż-żona tal-euro.

Lietuvos bankas ħallas il-bqija tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-kapital tal-BĊE u għaddieha fir-riżerva tal-assi barranin tal-BĊE. L-integrazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Litwani fis-sistema bankarja taż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2015 kienet diġà ġiet ikkunsidrata fil-pubblikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ likwidità taż-żona tal-euro u l-livell ta’ allokazzjoni fit-30 ta’ Diċembru 2014. Il-kontropartijiet Litwani fl-Eurosistema se jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tas-suq miftuħ tal-BĊE li jitħabbru wara l-1 ta’ Jannar 2015.

Lista ta’ banek u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra fil-Litwanja li huma suġġetti għar-rekwiżiti tar-riżervi se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-websajt tal-BĊE, flimkien mal-listi tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li jinsabu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li adottaw l-euro. Saret ukoll dispożizzjoni għal perjodu tranżitorju ta’ manutenzjoni bejn l-1 u s-27 ta’ Jannar 2015 li fih jiġu imposti rekwiżiti minimi tar-riżervi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Litwani. L-assi li jinsabu fil-Litwanja u li huma eliġibbli biex jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema se jiżdiedu wkoll mal-lista ta’ assi negozjabbli eliġibbli taż-żona tal-euro li tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Is-sħubija tal-Litwanja bħala d-19-il membru taż-żona tal-euro tfisser ukoll li s-sistema l-ġdida ta’ rotazzjoni tad-dritt għall-vot fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE tidħol fis-seħħ mil-lum. Il-websajt tal-BĊE tispjega din is-sistema u fiha kalendarju li juri r-rotazzjoni tad-dritt għall-vot fl-2015 u l-2016.

Għal tagħrif ieħor tista’ ċċempel lil Eszter Miltényi-Torstensson (+49 171 769 5305).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja