Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Jintemm il-programm JIEM KULTURALI EWROPEJ tal-BĊE – Bulgarija 2014

12 ta' Diċembru 2014
  • It-12-il edizzjoni tal-JIEM KULTURALI EWROPEJ intemmet b’wirja ta’ żfin fix-Schauspiel ta’ Frankfurt
  • Kunċert b’risq il-karità ġabar €6,000 għall-għaqda filantropika MainLichtblick
  • Is-sena d-dieħla l-attenzjoni ddur fuq Malta

Nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Diċembru 2014 intemmu l-JIEM KULTURALI EWROPEJ tal-BĊE – Bulgarija 2014 b’wirja ta’ żfin mill-aqwa fix-Schauspiel ta’ Frankfurt. Artisti mill-Kumpanija Nazzjonali Bulgara taż-Żfin Artistiku ppreżentaw ħrafa maġika ispirata mid-drawwa universali taċ-ċelebrazzjoni ta’ Lejlet San Ġwann, bil-koreografija ta’ Neshka Robeva u l-kant ta’ Dessy Dobreva.

L-ispettaklu ġab fi tmiemu programm ta’ tmien ġimgħat b’avvenimenti memorabbli bl-isem “Colourful Bulgaria” (Bulgarija kollha Lwien), organizzat bil-kooperazzjoni tal-Bank Nazzjonali tal-Bulgarija (BNB). Saret sensiela ta’ kunċerti, wirjiet, taħditiet u avvenimenti għat-tfal taħt il-patroċinju konġunt ta’ Mario Draghi, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u Ivan Iskrov, il-Gvernatur tal-BNB. Il-programm introduċa l-ħajja kulturali u l-wirt għani tal-Bulgarija lill-viżitaturi minn Frankfurt u lil hinn minnha.

Sabiex tinżamm it-tradizzjoni, sar kunċert għall-karità organizzat b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Belt ta’ Frankfurt am Main. L-udjenza fil-Frankfurter Paulskirche (il-Knisja ta’ San Pawl) ittieħdet għal vjaġġ fl-istorja mużikali mill-Kor tat-Tfal tar-Radju Nazzjonali tal-Bulgarija u s-sopran Maria Radoeva, immexxijin minn Venetsia Karamanova. Wara l-kunċert għall-karità saret donazzjoni ta’ €6,000 lil MainLichtblick e.V., organizzazzjoni lokali li għandha l-għan li ssawwar il-ħolm f’realtà għal dawk it-tfal li jħabbtu wiċċhom ma’ ċirkostanzi diffiċli bħal mard jew problemi soċjali.

Fi tmiem it-12-il edizzjoni tal-JIEM KULTURALI EWROPEJ, iż-żewġ patruni rringrazzjaw lill-artisti, l-isponsors u l-gruppi organizzattivi li taw sehemhom biex setgħu jsiru l-avvenimenti kollha.

“Bħala istituzzjoni Ewropea, aħna ferħanin li qegħdin nagħtu l-kontribut tagħna għall-iskambji kulturali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Ninsab kuntent li l-wirja tal-lejla, bħas-sensiela sħiħa tal-avvenimenti, ġibdet ħafna interess”, qal Mario Draghi.

“L-interess kbir tal-viżitaturi fl-avvenimenti tagħna jikkonferma li għamilna għażla tajba fejn jidħlu l-artitsti u l-wirjiet li saru fi Frankfurt. Dan hu ta’ sodisfazzjon kbir għall-organizzaturi, iżda ħadd m’għandu jeħodha b’sorpriża meta nqisu l-wirt kulturali kbir u l-istorja għanja tal-Bulgarija, wieħed mill-eqdem pajjiżi tal-Ewropa”, qal Ivan Iskrov.

L-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-JIEM KULTURALI EWROPEJ se titfa’ l-attenzjoni fuq Malta. Aktar dettalji se jidhru fil-websajt tal-BĊE fis-sajf tal-2015.

Għal tagħrif ieħor tista’ ċċempel lil Eszter Miltényi-Torstensson (+49 69 1344 8034).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja