Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Kontijiet Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008

5 ta' Marzu 2009

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008.

Il-BĊE qala’ €2,661 miljun fl-2008, imqabbel ma’ qligħ ta’ €286 miljun fl-2007 li rrifletta l-effetti tal-apprezzament tal-euro kontra d-dollaru Amerikan u, b’mod iżjed limitat, kontra l-yen Ġappuniż.

Fil-31 ta’ Diċembru 2008, abbażi tal-istima tal-Kunsill Governattiv dwar l-iskoperturi tal-BĊE għar-riskji, ġie trasferit ammont ta’ €1,339 miljun minn dan il-qligħ għall-provvediment kontra r-riskji tar-rata tal-kambju barrani, tar-rata tal-imgħax u tal-prezz tad-deheb, li ħalla riżultat nett iddikjarat ta’ €1,322 miljun. Il-provvediment jista’ jintuża biex jagħmel tajjeb għal telf li jista’ jirriżulta mill-iskopertura għar-riskji msemmija hawn fuq, b’mod partikolari telf tal-valutazzjoni mhux kopert mill-kontijiet tar-rivalutazzjoni. Id-daqs tiegħu jiġi rivedut kull sena. Wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mir-riżultat nett għall-2008, ammont ta’ €1,206 miljun, li jinkludi parti mid-dħul tal-BĊE fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, tqassam lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fil-5 ta’ Jannar 2009. Fil-5 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam il-qligħ li baqa’ ta’ madwar €116 miljun lill-BĊN.

Id-dħul regolari tal-BĊE ġej primarjament minn qligħ fuq l-investimenti tal-assi tar-riżervi barranin u l-kapital imħallas tiegħu ta’ €4.1 biljun, u minn dħul ta’ imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Id-dħul mill-imgħax fl-2008 intlaqat sa ċertu punt minn rati tal-imgħax iżjed baxxi fuq l-assi denominati f’dollari Amerikani.

Il-BĊE kellu dħul totali nett mill-imgħax ta’ €2,381 miljun mis-sorsi kollha, mqabbel ma’ €2,421 miljun fl-2007. Minbarra d-dħul mill-imgħax ta’ €2,230 miljun fuq is-sehem tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, id-dħul nett mill-imgħax ammonta għal €151 miljun, meta mqabbel ma’ €417 miljun fl-2007. Il-BĊE ħallas remunerazzjoni ta’ €1,400 miljun lill-BĊN fuq il-krediti tagħhom fir-rigward tal-assi tar-riżervi barranin trasferiti minnhom lill-BĊE.

Fl-2008, il-kontijiet tar-rivalutazzjoni ġejjin minn qligħ mhux realizzat fuq l-assi u l-obbligazzjonijiet ammonta għal €11.4 biljun, meta mqabbel ma’ €6.2 biljun fl-2007. Dan il-qligħ ġie rreġistrat fil-kontijiet tar-rivalutazzjoni, skond il-politika komuni tal-kontabilità li ġiet stabbilita mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE għall-istaff, kera tal-bini, drittijiet professjonali u prodotti u servizzi oħra ammontaw għal €364 miljun (€359 miljun fl-2007). L-ispejjeż tad-deprezzament fuq l-assi fissi ammonta għal €23 miljun.

Il-Kontijiet Annwali se jiġu ppubblikati fil-21 ta’ April 2009 fir-Rapport Annwali tal-BĊE, flimkien mar-rapport tal-amministrazzjoni għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008.

Noti għall-edituri

  1. Politika tal-kontabilità tal-BĊE: Ġiet stabbilita politika komuni ta’ kontabilità mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skond l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [1]. Tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba l-iskoperturi kbar tal-kambju barrani tal-biċċa l-kbira ta’ dawn il-banek centrali. Dan l-atteġġament prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti ta’ qligħ u telf mhux realizzati biex jiġi rikonoxxut id-dħul, u għall-projbizzjoni kontra l-innettjar ta’ telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi kontra qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Qligħ mhux realizzat jiġi trasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni, waqt li telf mhux realizzat fi tmiem is-sena li jkun ikbar mill-bilanċi tal-kont tar-rivalutazzjoni jitqies bħala spiża. Il-BĊN kollha huma meħtieġa jimxu fuq din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. B’mod volontarju, meta jħejju r-rapporti finanzjarji annwali tagħhom, il-BĊN kollha japplikaw bejn wieħed u ieħor l-istess politika bħal ma jagħmel il-BĊE.
  2. Remunerazzjoni tal-assi tar-riżervi barranin trasferiti lill-BĊE: Meta ttrasferixxa assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE meta ssieħeb mal-Eurosistema, kull BĊN akkwista kreditu remunerat kontra l-BĊE ekwivalenti għall-ammont li ttrasferixxa. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dawn il-krediti għandhom ikunu denominati f’euro, u għandhom jiġu remunerati fuq bażi ta’ kuljum bl-aħħar rata marġinali disponibbli għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema, aġġustati biex titqies ir-rata żero tal-qligħ fuq il-komponent tad-deheb. Fl-2008 din ir-remunerazzjoni ammontat għal spiża tal-imgħax ta’ madwar €1,400 miljun.
  3. Distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni: Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, mill-2006, dan id-dħul hu dovut lill-BĊN fis-sena finanzjarja meta jkun dovut, iżda għandu jitqassam fit-tieni jum tax-xogħol tas-sena ta’ wara. [2] Dan jitqassam kollu minbarra jekk il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena jkun inqas mid-dħul tiegħu fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv qabel tmiem is-sena finnanzjarja li jittrasferixxi parti minn dan id-dħul, jew kollu, lill-provvediment kontra r-riskji tal-kambju barrani, tar-rata tal-imgħax u tal-prezz tad-deheb. Dan tal-aħħar kien il-każ fl-2008, minħabba d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jittrasferixxi madwar €1.0 biljun mid-dħul tal-BĊE fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għal dan il-provvediment. Għalhekk, id-dħul li baqa’ fuq il-karti tal-flus tal-euro, jiġifieri €1.2 biljun tqassam lill-BĊN fil-5 ta’ Jannar 2009.
  1. [1] Deċiżjoni tal-BĊE/2002/11 tal-5 ta’ Diċembru 2002 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, ĠU L 58, 3.3.2003, p.38, kif emendata. B’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007, din id-Deċiżjoni ġiet revokata u sostitwita bid-Deċiżjoni BĊE/2006/17, ĠU L 348, 11.12.2006, p.38, kif emendata.

  2. [2] Deċiżjoni BĊE/2005/11 tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar id-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, ĠU L 311, 26.11.2005, p.41.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja