Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta' kull sitt xhur dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus ta' l-euro

10 ta' Lulju 2008

Fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2008, ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 312,000 karta tal-flus ta’ l-euro foloz. Għalkemm din hi żieda ta’ 5.4% fuq il-kwantità rkuprata fis-sitt xhur ta’qabel, it-tabella li ġejja, li tindika x-xejra ta’ kull sitt xhur fl-għadd ta’ karti ta’ flus foloz irkuprati, turi li l-kwantità ma varjatx ħafna tul dawn l-aħħar snin. Ta’ min jinnota li mit-tieni sitt xhur ta’ l-2007 kien hemm żieda ta’ 5.7% fl-għadd ta’ karti tal-flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni.

Perijodu 2003/2 2004/1 2004/2 2005/1 2005/2 2006/1 2006/2 2007/1 2007/2 2008/1
Għadd ta’ karti ta’ flus foloz 312,000 307,000 287,000 293,000 286,000 300,000 265,000 265,000 296,000 312,000

Meta ċ-ċifri f’din it-tabella jitqabblu ma’ l-għadd ta’ karti tal-flus ta’ l-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 11.5 biljuni matul l-ewwel sitt xhur ta’ l-2008), il-kwantità ta’ karti tal-flus foloz hi tassew żgħira.

Il-biċċa l-kbira (98%) tal-karti tal-flus foloz irkuprati fit-tieni sitt xhur ta’ l-2008 instabu f’pajjiżi taż-żona ta’ l-euro, għalkemm dan il-proporzjon hu ftit iżjed baxx minn dak ta’ perijodi preċedenti. Bejn wieħed u ieħor, 0.5% instabu fi Stati Membri ta’ l-UE barra ż-żona ta’ l-euro u l-bqija f’partijiet oħra tad-dinja.

L-analiżi ta' dawn il-karti tal-flus foloz skond id-denominazzjoni hi kif ġej:

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi skond id-denominazzjoni (f’%) 0.5 2 33 36 21.5 6.5 0.5

Fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2008, l-iżjed karta tal-flus iffalsifikata kienet dik tal-€50. Bejniethom, it-tliet denominazzjonijiet tan-nofs (€20, €50 u €100) ammontaw għal madwar 90% tal-karti tal-flus foloz kollha.

Il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus ta’ l-euro u fil-karatteristiċi tas-sigurtà tagħhom. Fl-istess ħin, l-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-15-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro, ikomplu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent u biex jiċċekkja l-awtentiċità tal-karti tal-flus li jirċievi. Il-karti tal-flus foloz jingħarfu faċilment minn karti tal-flus ġenwini meta wieħed juża t-test ĦOSS-ĦARES-MEJJEL imfisser fil-pubblikazzjonijiet ta' l-Eurosistema u fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Eurosistema. Iżda, f’każijiet ta’ dubju, karta tal-flus li wieħed jissuspetta li tkun falza għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina. Kull min ikollu suspett li forsi rċieva xi karta tal-flus falza, għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn tippermetti l-prassi nazzjonali – lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, u jagħti kemm jista’ jkun dettalji dwar minn fejn ġiet il-karta tal-flus.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja