Kontijiet Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2007
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2007.
Il-BĊE għamel qligħ ta’ €286 miljun fl-2007, meta mqabbel mal-qligħ ta’ €1,379 miljun fl-2006. It-tnaqqis hu dovut l-iżjed għall-apprezzament ta’ l-euro kontra d-dollaru Amerikan u, b’mod iżjed limitat, kontra l-yen Ġappuniż. Bħall-2006, abbażi ta’ l-istima tal-Kunsill Governattiv dwar ir-riskji, twarrab ammont ekwivelanti għall-qligħ bħala provvediment kontra r-riskji tar-rata tal-kambju barrani, tar-rata ta’ l-imgħax u tal-prezz tad-deheb, li ħalla profitt nett ta’ eżattament żero. Il-provvediment se jintuża biex jagħmel tajjeb għal telf ġej mill-iskopertura għal dawn ir-riskji, b’mod partikolari telf minħabba valutazzjonijiet mhux koperti mill-kontijiet tar-rivalutazzjoni. Id-daqs tiegħu jiġi rivedut kull sena.
Id-dħul regolari tal-BĊE ġej primarjament minn qligħ fuq l-investimenti ta’ assi f’munita barranija u l-kapital imħallas tiegħu ta’ €4.1 biljun, u minn dħul ta’ imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% tal-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-2007 id-dħul mill-imgħax żdied, l-iżjed minħabba żieda fir-rata marġinali għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema, li tiddetermina r-remunerazzjoni li l-BĊE jirċievi fuq is-sehem tiegħu tal-karti tal-flus ta’ l-euro fl-Eurosistema.
Il-BĊE kellu dħul totali nett mill-imgħax ta’ €2,421 miljun mis-sorsi kollha, meta mqabbel ma’ €1,972 miljun fl-2006. Minbarra d-dħul mill-imgħax ta’ €2,004 miljun fuq is-sehem tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, id-dħul nett mill-imgħax ammonta għal €417 miljun, meta imqabbel ma’ €653 miljun fl-2006. Il-BĊE ħallas remunerazzjoni ta’ €1,357 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fuq il-krediti tagħhom fir-rigward ta’ l-assi tar-riżervi barranin trasferiti minnhom lill-BĊE.
Fl-2007, l-apprezzament ta’ l-euro fil-konfront tad-dollaru Amerikan u, b’mod iżjed limitat, fil-konfront tal-yen Ġappuniż, irriżulta fi tnaqqis ta’ xi €2.5 biljun fil-valur ta’ l-euro ta’ l-investimenti tal-BĊE ta’ assi denominati f’dawn il-muniti, li ddaħħlu fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf.
L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE għall-istaff, il-kera tal-bini, id-drittijiet professjonali u prodotti u servizzi oħra ammontaw għal €359 miljun (€332 miljun fl-2006). L-ispejjeż tad-deprezzament fuq l-assi fissi ammontaw għal €26 miljun.
Il-Kontijiet Annwali se jiġu ppubblikati fir-Rapport Annwali tal-BĊE fil-21 ta’ April 2008, flimkien mar-rapport ta’ l-amministrazzjoni għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2007.
Noti għall-edituri
Politika tal-kontabilità tal-BĊE: Ġiet stabbilita politika komuni ta’ kontabilità mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skond l-Artikolu 26.4 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u din ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea [1]. Għalkemm ibbażata ġeneralment fuq prassi aċċettata internazzjonalment, din il-politika ġiet imfassla bi ħsieb speċjali dwar iċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali ta’ l-Eurosistema. Din tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba l-iskoprituri kbar tal-kambju barrani tal-biċċa l-kbira ta’ dawn il-banek centrali. Dan l-atteġġament prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti ta’ qligħ u telf mhux realizzati biex jiġi rikonoxxut id-dħul, u għall-projbizzjoni kontra l-kitba ta’ telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi kontra qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Qligħ mhux realizzat jiġi trasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni, waqt li telf mhux realizzat fi tmiem is-sena li jkun ikbar mill-bilanċi tal-kont tar-rivalutazzjoni jitqies bħala spiża. Il-BĊN kollha għandhom jimxu fuq din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, liema operazzjonijiet huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ l-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. B’mod volontarju, meta jħejju r-rapporti finanzjarji annwali tagħhom, il-BĊN kollha japplikaw bejn wieħed u ieħor l-istess politika bħal ma jagħmel il-BĊE.
Remunerazzjoni ta’ assi ta’ riżervi barranin trasferiti lill-BĊE: Mas-sħubija fl-Eurosistema, kull BĊN ittrasferixxa assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE, u akkwista kreditu remunerat kontra l-BĊE ekwivalenti għall-ammont li ttrasferixxa. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dawn il-krediti għandhom ikunu denominati f’euro, u għandhom jiġu remunerati kuljum bl-aħħar rata marġinali disponibbli għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema, aġġustati għar-rata ta’ qligħ żero fuq il-komponent tad-deheb. Fl-2007 din ir-remunerazzjoni ammontat għall-spiżata’ imgħax ta’ €1,357 miljun, meta mqabbla mad-dħul nett ta’ l-imgħax ta’ €1,355 miljun li daħal fuq l-assi ta’ riżervi barranin.
Distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE fuq il-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni: Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, mill-2006, dan id-dħul hu dovut lill-BĊN fis-sena finanzjarja meta jkun dovut, iżda għandu jiġi distribwit fit-tieni jum tax-xogħol tas-sena ta’ wara. [2] Dan jitqassam kollu kemm hu sakemm il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena ma jkunx inqas mid-dħul li jaqla’ fuq tal-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Dan ta’ l-aħħar kien il-każ fl-2007, minħabba d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jagħmel trasferimenti favur il-provvediment għar-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata ta’ l-imgħax u tal-prezz tad-deheb. Abbażi tar-riżultat finanzjarju tal-BĊE kif stmat għas-sena, f’Diċembru 2007, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dan id-dħul kollu m’għandux jitqassam.
-
[1] Deċiżjoni tal-BĊE/2002/11 tal-5 ta’ Diċembru 2002 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, ĠU L 58, 3.3.2003, p.38, kif emendata. B’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007, din id-Deċiżjoni ġiet revokata u sostitwita bid-Deċiżjoni BĊE/2006/17, ĠU L 348, 11.12.2006, p.38, kif emendata.
-
[2] Deċiżjoni BĊE/2005/11 tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar id-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri parteċipanti, ĠU L 311, 26.11.2005, p.41.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja