Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2004

14 ta' Marzu 2005

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) approva fil-11 ta’ Marzu l-kontijiet annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2004.

Il-BĊE għamel telf nett ta’ €1,636 miljun fl-2004, mqabbel ma’ telf nett ta’ €477 miljun fl-2003. Dan it-telf reġa’ kien dovut primarjament għall-evoluzzjoni tar-rati tal-kambju, li kellhom effett negattiv fuq il-valur, espress f’euro, ta’ l-investimenti ta’ l-assi tal-bank denominati f’valuta barranija, prinċipalment f’dollari Amerikani.

Il-politika tal-kontabilità tal-BĊE tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta’ prudenza. Ghalhekk, telf mhux realizzat minn rivalutazzjoni ta’ rati tal-kambju u prezzijiet tas-suq fuq l-investimenti tal-BĊE f’munita barranija u f’deheb huma ttrattati bħala realizzati u mqiegħda fil-kont tal-qligħ u t-telf fl-aħħar tas-sena. Madankollu, qligħ mhux realizzat minn rivalutazzjoni ta' rati tal-kambju u prezzijiet tas-suq fuq l-investimenti tal-BĊE f'valuta barranija u f'deheb mhumiex rikonoxxuti bħala qligħ, iżda trasferiti fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. Fl-2004 iż-żieda fil-valur ta’ l-euro irriżultat, minħabba r-rivalutazzjoni tar-rati tal-kambju, f’telf nett ta’ kważi €2.1 biljun.

Id-dħul regolari tal-BĊE ġej primarjament minn qligħ fuq l-investimenti ta’ assi f’valuta barranija u l-kapital imħallas tiegħu ta’ €4.1 biljun u minn dħul ta’ imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% tal-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Dħul mill-imgħax fl-2004 reġa’ ġie affettwat negattivament mir-rati baxxi ta’ imgħax kemm fuq assi domestiċi kif ukoll fuq dawk f’valuta barranija. Il-BĊE kellu dħul totali nett ta’ imgħax ta’ €690 miljun mis-sorsi kollha, mqabbel ma’ €715 miljun fl-2003. Minbarra dħul ta’ imgħax ta’ €733 miljun fuq is-sehem ta’ karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, spejjeż netti fuq imgħax ammontaw għal €43 miljun, mqabbel ma’ dħul nett ta’ €17-il miljun fl-2003. Il-BĊE ħallas remunerazzjoni ta’ €693 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fuq il-krediti tagħhom fir-rigward ta’ l-assi f’valuta barranija trasferiti minnhom lill-BĊE.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE fuq salarji u spejjeż relatati, kera tal-bini, u prodotti u servizzi ammontaw għal €340 miljun (€286 miljun fl-2003). Il-fattur ewlieni f’din iż-żieda kien provvediment kontra żieda fl-obbligazzjonijiet tal-fond tal-pensjonijiet tal-BĊE, kkalkolata fuq bażi attwarja. Spejjeż ta’ deprezzament fuq assi fissi ammonta għal-€34 miljun. Fl-aħħar tas-sena 2004, il-BĊE kellu 1,309 impjegati (inklużi 131 f’livelli maniġerjali) mqabbel ma’ 1,213 is-sena ta’ qabel.

Fil-11 ta’ Marzu 2005, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, l-ewwel, li jpatti t-telf nett tal-BĊE ta' €1,636 miljun kontra l-fond kollu tiegħu ta' riżerva ġenerali ta' €296 miljun u, t-tieni, li jpatti għat-telf li baqa' ta' €1,340 miljun kontra d-dħul monetarju allokat lill-banek ċentrali nazzjonali għas-sena finanzjarja 2004 fil-proporzjon ta' l-ammonti allokati lil kull bank ċentrali nazzjonali.

Il-kontijiet annwali ser jiġu ppubblikati, flimkien mar-rapport ta’ l-amministrazzjoni għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2004, fir-Rapport Annwali tal-BĊE fis-26 ta’ April 2005.

Noti għall-edituri

  1. Politika ta’ kontabilità tal-BĊE: Ġiet stabbilita politika komuni ta’ kontabilità mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skond l-Artikolu 26.4 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjini Ewropea[1]. Għalkemm ibbażata ġeneralment fuq prattika aċċettata internazzjonalment, din il-politika ġiet imfassla bi ħsieb speċjali dwar iċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali ta’ l-Eurosistema. Tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-banek ċentrali għandhom riskji kbar mill-kambju. Dan l-atteġġament prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti ta’ qligħ u telf mhux realizzati għal għanijiet ta’ għarfien ta’ dħul, u għall-projbizzjoni li telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi jpatti għalih qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-banek ċentrali nazzjonali kollha (BĊN) jeħtieġ li jimxu fuq din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ l-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. B’mod volontarju, l-BĊN kollha japplikaw bejn wieħed u ieħor din il-politika bħal ma jagħmel il-BĊE, meta jħejju r-rapporti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. Remunerazzjoni ta’ assi ta’ riżervi barranin traferiti lill-BĊE: Meta ttrasferixxa assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE meta ngħaqad ma’ l-Eurosistema, kull BĊN akkwista kreditu remunerat fuq il-BĊE għall-valur ta’ l-ammont li ttrasferixxa. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dawn il-krediti għandhom jiġu denominati f’euro, u għandhom jiġu remunerati fuq bażi ta’ kull jum bir-rata ewlenija ta' finanzjament ta’ l-Eurosistema l-iżjed reċenti, u aġġustati biex jittieħed kont tar-rata ta’ qligħ żero fuq il-komponent tad-deheb. Fl-2004 din ir-remunerazzjoni tat spiża ta’ imgħax ta’ madwar €693 miljun, mqabbla mad-dħul nett ta’ imgħax ta’ €422 miljun fuq l-assi ta’ riżervi barranin.
  3. Distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni:

    Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dan id-dħul għandu jitqassam separatament lill-BĊN f’forma ta’ distribuzzjoni interim wara l-aħħar ta’ kull trimestru

    [2]

    . Dan ser jiġi mqassam kollu sakemm il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena ma jkunx inqas mid-dħul tiegħu mill-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni, u bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv biex inaqqas dan id-dħul fir-rigward ta' spejjeż li jkun għamel il-BĊE marbuta mal-ħruġ u l-maniġġ tal-karti tal-flus ta’ l-euro. Fuq il-bażi ta’ l-istima tar-riżultat finanzjarju tal-BĊE għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2004, f’Diċembru 2004 il-Kunsill Governattiv iddeċieda:

    1. li jitlob lura t-tliet distribuzzjonijiet trimestrali interim diġà mħallsa lill-BĊN matul is-sena, li jammontaw għal total ta’ €536 miljun;
    2. li ma jwettaqx id-distribuzzjoni interim ta’ l-aħħar trimestru li tammonta għal €197 miljun.
  4. Allokazzjoni ta’ telf: Skond l-Artikolu 33.2 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, telf li jġarrab l-BĊE għandu jigi kopert fl-ordni li ġej:

It-telf jista’ jitpatta kontra l-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, kontra d-dħul monetarju tas-sena finazjarja rilevanti. Jekk id-dħul monetarju jintuża biex ipatti għal telf, l-ammonti allokati lill-BĊN għas-sena finanzjarja in kwistjoni jitnaqqsu skond il-proporzjon ta’ l-ippeżar tagħhom fl-iskema kapitali tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda fil-prinċipju waqt il-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2005 li kien ser ipatti b’mod sħiħ għat-telf finali tal-BĊE għall-2004 bid-dħul monetarju sa fejn meħtieġ wara l-użu sħiħ tal-fond ta’ riżerva ġenerali. Għalhekk il-BĊN setgħu jagħmlu provvedimenti xierqa fil-kontijiet annwali tagħhom għall-2004 qabel ma dawn ingħalqu.

  1. [1] Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2002 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2002/11), ĠU L 58, 3.3.2003, p.38.

  2. [2] Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2002 dwar id-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri parteċipanti (ECB/2002/9), ĠU L 323, 28.11.2002, p. 49.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja