Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu – Settembru 2021

24 ta’ Settembru 2021

Komunikazzjoni esterna

Bidliet fl-iskeda tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv għall-2022 u fil-frekwenza tal-laqgħat esterni tal-Kunsill Governattiv

Fl-20 ta’ Settembru 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jħassar il-laqgħa tal-politika monetarja ppjanata oriġinarjament għall-20 ta’ Jannar 2022 u l-laqgħa tal-politika mhux monetarja ppjanata għat-2 ta’ Frar 2022, minflok iffissa laqgħa tal-politika monetarja għat-3 ta’ Frar 2022. Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv adotta l-kalendarji indikattivi aġġustati għall-operazzjonijiet regolari b’offerta u l-perjodi ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema għall-2022 (ara iktar ’l isfel).

Barra minn hekk, biex jenfasizza l-impenn tiegħu għal interazzjoni akbar mas-soċjetajiet ċivili taż-żona tal-euro kif muri waqt l-avvenimenti reċenti ta’ smigħ organizzati fil-kuntest tar-reviżjoni tal-istrateġija tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jorganizza żewġ laqgħat tiegħu kull sena barra Frankfurt mill-2022. Mill-2023 huwa previst mudell ta’ laqgħa waħda tal-politika monetarja esterna fir-rebbiegħa u laqgħa waħda esterna tal-politika mhux monetarja fil-ħarifa. Il-postijiet għal laqgħat esterni jintgħażlu skont offerti magħmula mill-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro biex jospitaw laqgħat bħal dawn. L-iskeda aġġornata tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv hi aġġornata fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Kalendarji indikattivi tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema għall-2022

Fit-23 ta’ Lulju 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-kalendarji indikattivi tal-operazzjonijiet regolari b’offerta u l-perjodi ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema għall-2022. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fil-websajt tal-BĊE. Il-kalendarji ġew emendati fl-20 ta’ Settembru 2021 biex jieħdu ħsieb il-bidliet li jaffettwaw it-tul ta’ żewġ perjodi ta’ żamma tar-riżerva kkawżati mill-iskedar mill-ġdid tal-laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-politika monetarja ta’ Jannar 2022 (ara hawn fuq). Il-kalendarji aġġornati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Bidliet operattivi għall-pubblikazzjoni ta’ dejta dwar portafolli tal-politika monetarja

Fit-28 ta’ Lulju 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-allinjament tad-data u l-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ kull ġimgħa u ta’ kull xahar dwar il-portafolli tal-politika monetarja (programm ta’ xiri ta’ assi (APP)/programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP)) mal-pubblikazzjoni tad-Dikjarazzjoni Finanzjarja ta’ Kull Ġimgħa (WFS), jiġifieri li tbiddel il-ħin tal-pubblikazzjoni mit-Tnejn 15:45 CET għat-Tlieta 15:00 CET, li daħal fis-seħħ mis-7 ta’ Settembru 2021 It-tħabbira relatata tinsab fil-websajt tal-BĊE. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv approva bidla fil-frekwenza tal-pubblikazzjoni ta’ figuri ta’ maturità medja ppeżata (WAM) għal kull ġurisdizzjoni għal titoli miżmuma taħt il-programm ta’ xiri tas-settur pubbliku (PSPP) mill-bażi kurrenti ta’ kull sentejn għal kull xahar u dan jibda minn Settembru 2021.

Rotazzjoni tal-membri maħtura mill-banek ċentrali nazzjonali fil-Kumitat ta’ Sorveljanza tar-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR)

Fis-16 ta’ Settembru 2021 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Martin Wieland (Deutsche Bundesbank) u Juan Ayuso (Banco de España) bħala membri nominati mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fil-Kumitat ta’ Sorveljanza tar-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR) mill-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2023, li jieħdu post il-membri attwali mill-Banque de France u l-Banca d'Italia. Il-ħatriet isegwu r-regoli għar-rotazzjoni tal-membri tal-BĊN fil-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-€STR. L-informazzjoni relatata dalwaqt ser tiġi aġġornata fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar assi ta’ taxxa differiti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu Griegi

Fid-29 ta’ Lulju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/25 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi dwar banek li jagħtu self b’ipoteka u bonds koperti u liġijiet relatati fil-Finlandja

Fil-11 ta’ Awwissu 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/26 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Finlandja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 dwar ir-rappurtar korporattiv dwar is-sostenibbiltà

Fis-7 ta’ Settembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/27 wara talba mill-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ regolament dwar is-sorveljanza ta’ sistemi ta' ħlas u ta’ appoġġ għal infrastrutturi teknoloġiċi jew tan-netwerk fl-Italja

Fil-21 ta’ Settembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/28 wara talba mill-Banca d’Italia.

Governanza korporattiva

President tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni

Fit-3 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Claudia Plattner, id-Direttur Ġenerali tas-Sistemi ta’ Informazzjoni tal-BĊE, bħala President tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITC) b’effett immedjat u sal-31 ta’ Diċembru 2022 biex jikkoinċidi mat-termini tal-presidenti l-oħra kollha tal-kumitati tas-SEBĊ/Eurosistema maħtura jew maħtura mill-ġdid f’Diċembru 2019.

Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-awdituri esterni tal-Banca d’Italia

Fis-7 ta’ Settembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2021/41 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banca d’Italia.

President tal-Kumitat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali (IRC)

Fit-22 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Isabel Vansteenkiste, id-Direttur Ġenerali li jmiss tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Ewropej tal-BĊE, bħala President tal-Kumitat tar-Relazzjonijiet Internazzjonali (IRC) mill-1 ta’ Novembru 2021 u sal-31 ta’ Diċembru 2022 sabiex dan jikkoinċidi mat-termini tal-presidenti l-oħra kollha tal-kumitat tas-SEBĊ/Eurosistema maħtura jew maħtura mill-ġdid f'Diċembru 2019.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Rakkomandazzjoni tal-BĊE fuq id-dividendi

Fit-23 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill Governattiv, fuq proposta tal-Bord Superviżorju, adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2021/31 li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/62 dwar id-distribuzzjonijiet ta’ dividendi waqt il-pandemija COVID-19 mit-30 ta’ Settembru 2021. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Riżultati finali tat-test tal-istress tas-superviżjoni bankarja Ewropea tal-2021

Fis-26 ta’ Lulju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġu ppubblikati r-riżultati aggregati finali tat-test tal-istress għall-2021. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Rapport Annwali dwar Attivitajiet ta’ Sanzjonar fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku fl-2020

Fit-30 ta’ Lulju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika r-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Sanzjonar fl-MSU fl-2020. Id-dokument jippreżenta statistika komprensiva dwar l-attivitajiet ta’ sanzjonar fir-rigward ta’ ksur tar-rekwiżiti prudenzjali mwettqa fl-2020 mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Ir-rapport jinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ dejta superviżorja

Fit-13 ta’ Awwissu 2021 il-Kunsill Governattiv, fuq proposta mill-Bord Superviżorju, adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/1396 (BĊE/2021/39) li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/29 dwar l-għoti lill-BĊE ta’ dejta superviżorja rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni bis-saħħa tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 u (UE) 2016/2070.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja