Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32006O0009
Guideline of the European Central Bank of 14 July 2006 on certain preparations for the euro cash changeover and on frontloading and sub-frontloading of euro banknotes and coins outside the euro area (ECB/2006/9)
Linja ta' Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l- 14 ta' Lulju 2006 dwar ċerti preparazzjonijiet għat-tibdil tal-flus kontanti euro u dwar il- frontloading u s- sub-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro barra ż-żona tal-euro (BĊE/2006/9)
Linja ta' Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l- 14 ta' Lulju 2006 dwar ċerti preparazzjonijiet għat-tibdil tal-flus kontanti euro u dwar il- frontloading u s- sub-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro barra ż-żona tal-euro (BĊE/2006/9)
ĠU L 207, 28.7.2006, p. 39–46
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 1008–1015
(MT)
Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 05/07/2008
8.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
1008 |
LINJA TA' GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
ta' l-14 ta' Lulju 2006
dwar ċerti preparazzjonijiet għat-tibdil tal-flus kontanti euro u dwar il-frontloading u s-sub-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro barra ż-żona tal-euro
(BĊE/2006/9)
(2006/525/KE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunita' Ewropea, partikolarment l-Artikolu 106(1),
Wara li kkunsidra l-Artikolu 16 u l-Artikolu 26.4 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998, dwar l-introduzzjoni tal-euro (1) igħid li “b'effett mid-dati rispettivi tat-tibdil tal-flus kontanti, il-BĊE u l-banek ċentrali ta' l-Istati Membri parteċipanti għandhom iqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni karti tal-flus iddenominati fil-euro fl-Istati Membri parteċipanti”. |
(2) |
Sabiex tkun possibbli l-introduzzjoni bla xkiel tal-euro fl-Istati Membri futuri parteċipanti, għandu jitwaqqaf qafas legali li jħalli lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta' dawn l-Istati Membri jissellfu karti tal-flus u muniti euro mill-Ewrosistema għall-iskop tal-frontloading u s-sub-frontloading tagħhom qabel ma għandu jiġi stabbilit it-tibdil tal-flus kontanti, liema qafas jikkunsidra x-xenarji nazzjonali differenti tat-tibdil tal-flus kontanti possibbli. |
(3) |
Il-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro lil kontropartijiet eliġibbli, u s-sub-frontloading lil terzi persuni professjonali, jikkontribwixxi għat-tibdil tal-flus kontanti, itaffi l-piż loġistiku ta' l-adozzjoni tal-euro u jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-ispejjeż assoċjati maċ-ċirkolazzjoni tal-valuta doppja. |
(4) |
Il-frontloading u s-sub-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro m'għandux isarraf fit-tqegħid ta' dawn il-karti tal-flus u muniti euro fiċ-ċirkolazzjoni billi huma mhumiex se jkolhom l-istatus ta' valuta legali fl-Istati Membri futuri parteċipanti qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti; konsegwentament l-arranġamenti kuntrattwali għal self ta' karti tal-flus u muniti euro għandhom jinkludu obbligi biex jimponu ċerti restrizzjonijiet dwar kontropartijiet eliġibbli u terzi persuni professjonali sabiex jiġi evitat milli dan iseħħ. |
(5) |
Il-frontloading lil kontropartijiet eliġibbli u s-sub-frontloading lil terzi persuni professjonali jista' iseħħ biss jekk dispożizzjonijiet statutorji fl-Istati Membri futuri parteċipanti jipprovdu protezzjoni biżżejjed, jew jekk jiġu stabbiliti ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet involuti, fir-rigward ta': (i) self ta' karti tal-flus u muniti euro għal frontloading; (ii) frontloading; u (iii) sub-frontloading. |
(6) |
Din il-Linja ta' Gwida għandha: (i) tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati għall-qafas kuntrattwali u l-kundizzjonijiet għal frontloading u sub-frontloading; (ii) tistabbilixxi obbligi ta' kontabilita' u ta' rappurtar finanzjarju biex jiġu osservati fir-rigward tal-frontloading u s-sub-frontloading; u (iii) tipprovdi għal ftehim xierqa biex jassiguraw karti tal-flus u muniti euro frontloaded u sub-frontloaded. |
(7) |
Filwaqt li l-kompetenza primarja biex jiġi stabbilit r-reġim għall-ħrug tal-muniti euro hija ta' l-Istati Membri parteċipanti, il-BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema jwettqu rwol essenzjali fid-distribuzzjoni tal-muniti euro. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja ta' Gwida li għandhom x'jaqsmu mal-muniti euro għandhom jitqiesu bħala rakkomandazzjonijiet biex jiġu applikati mill-BĊNi, fil-qafas għall-ħruġ tal-muniti euro, li għandu jitwaqqaf mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-Istati Membri futuri parteċipanti. |
(8) |
Il-forniment tal-BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema b'karti tal-flus u muniti euro għall-iskop tal-frontloading jimplika ċerti riskji finanzjarji. Biex ikopru dawn ir-riskji, il-BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema għandhom jikkommettu ruħhom biex iħallsu lura l-karti tal-flus euro missellfa mill-Ewrosistema mir-rekwiżiti tal-produzzjoni tal-karti tal-flus futuri allokati lilhom. Barra minn dan, il-frontloading għandu jitħalla jsir biss jekk il-kontropartijiet eliġibbli jipprovdu lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema rilevanti b'garanzija eliġibbli suffiċjenti. |
(9) |
Il-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi l-karti tal-flus u muniti euro għall-iskop ta' frontloading u l-BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema għandhom jiffirmaw ftehim kuntrattwali speċifiċi biex jaderixxu mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida. |
(10) |
Sakemm dispożizzjonijiet statutorji nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri futuri parteċipanti jiżguraw li japplikaw regoli u proċeduri ekwivalenti, il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida għal frontloading u sub-frontloading sussegwenti għandhom ikunu inkorporati fi ftehim kuntrattwali bejn il-BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema, il-kontropartijiet eliġibbli u t-terzi persuni professjonali. |
(11) |
Il-BĊE, bħala koordinatur tal-frontloading, għandu jkun infurmat minn qabel bit-talbiet għal frontloading, u l-BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema għandhom jinfurmaw lill-BĊE b'kwalunkwe deċiżjonijiet biex isir il-frontloading. |
ADOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta' din il-Linja ta' Gwida:
— |
“frontloading” tfisser it-trasferiment fiżiku ta' karti tal-flus u muniti euro minn BĊN futur ta' l-Ewrosistema lil kontropartijiet eliġibbli fit-territorju ta' xi Stat Membru futur parteċipanti matul il-perijodu tal-frontloading/sub-frontloading; |
— |
“perijodu ta' frontloading/sub-frontloading” tfisser il-perijodu li matulu jseħħ frontloading u sub-frontloading, li m'għandux jibda qabel erba' xhur qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti u jispiċċa f'00.00 (ħin lokali) fid-data tal-flus kontanti; |
— |
“sub-frontloading” tfisser it-trasferiment ta' karti tal-flus u muniti euro frontloaded minn kontroparti eliġibbli lil terzi persuni professjonali fit-territorju ta' xi Stat Membru futur parteċipanti matul il-perijodu tal-frontloading/sub-frontloading; |
— |
“żona tal-euro” tfisser it-territorju ta' l-Istati Membri parteċipanti; |
— |
“data tat-tibdil tal-flus kontanti” tfisser id-data li fiha l-karti tal-flus u muniti euro jsiru valuta legali fi Stat Membru futur parteċipanti partikolari; |
— |
“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li adotta l-euro; |
— |
“Stat Membru futur parteċipanti” tfisser Stat Membru mhux parteċipanti li ssodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-adozzjoni tal-euro u li dwaru tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-abrogazzjoni tad-deroga (skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat); |
— |
“Stat Membru mhux parteċipanti” tfisser Stat Membru li m'adottax il-euro; |
— |
“Ewrosistema” tfisser il-BĊNi ta' l-Istati Membri parteċipanti u l-BĊE; |
— |
“kontroparti eliġibbli” tfisser entita' kif iddefinita fl-Artikolu 5 li tissodisfa r-rekwiżiti biex tirċievi karti tal-flus u muniti euro għall-iskop tal-frontloading; |
— |
“terzi persuni professjonali” tfisser ċerti gruppi kummerċjali ddeterminati, bħal bejjiegħa bl-imnut, il-kumpaniji li jimmaniġġjaw distributuri awtomatiċi u l-kumpaniji li jieħdu ħsieb il-ġarr tal-flus li jinsabu fl-istess Stat Membru futur parteċipanti bħala kontroparti eliġibbli, u li l-kontroparti eliġibbli tikkunsidra li għandha bżonn leġittimu biex tkun sub-frontloaded u biex tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward tas-sub-frontloading; |
— |
“kumpanija li tieħu ħsieb il-ġarr tal-flus” tfisser entita' li tipprovdi trasport, ħażna u mmaniġġjar ta' servizzi ta' karti tal-flus u muniti euro għal istituzzjonijiet ta' kreditu; |
— |
“BĊN ta' l-Ewrosistema” tfisser il-BĊN ta' xi Stat Membru parteċipanti; |
— |
“BĊN futur ta' l-Ewrosistema” tfisser il-BĊN ta' xi Stat Membru futur parteċipanti; |
— |
“garanzija eliġibbli” tfisser garanzija kif iddefinita fl-Artikolu 8; |
— |
“BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi” tfisser xi BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi lil xi BĊN futur ta' l-Ewrosistema karti tal-flus u muniti euro għall-iskop tal-frontloading, irrispettivament minn liema BĊN ta' l-Ewrosistema huwa s-sid legali ta' dawk il-karti tal-flus u muniti; |
— |
“rekwiżiti għall-introduzzjoni” tfisser il-kwantita' ta' karti tal-flus u muniti euro li Stat Membru futur parteċipanti jistenna li jkollu bżonn fid-data tat-tibdil tal-flus kontanti biex tkopri d-domanda għal perijodu ta' sena; |
— |
“jum ta' negozju ta' l-Ewrosistema” tfisser jum li fih il-BĊE jew wieħed jew aktar mill-BĊNi huma miftuħa għan-negozju, li fih it-TARGET jew is-sistema li tissostitwixxi t-TARGET hija miftuħa, u li huwa l-jum ta' ħlas għal tranżazzjonijiet tas-suq tal-flus euro u tal-kambju fi flus barranin li jinvolu l-euro; |
— |
“TARGET” tfisser is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer; |
— |
“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000, dwar il-bidu u s-segwiment tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (2); |
— |
“valuta nazzjonali” tfisser il-valuta nazzjonali ta' Stat Membru futur parteċipanti qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti. |
Artikolu 2
Applikabbilta' tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida
1. Ir-regoli u l-proċeduri dwar il-frontloading u s-sub-frontloading stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida għandhom ikunu applikati għal ftehim ta' frontloading u sub-frontloading irrispettivament jekk xi BĊN futur ta' l-Ewrosistema: (i) jissellef il-karti tal-flus u l-muniti biex jiġu frontloaded; jew (ii) jipproduċihom jew jakkwistahom.
2. Din il-Linja ta' Gwida m'għandhiex tapplika għat-trasferiment fiżiku tal-karti tal-flus u muniti euro mill-BĊNi ta' l-Ewrosistema lill-BĊNi ta' Stati Membri mhux parteċipanti sakemm dawn ta' l-aħħar ikollhom l-istatus ta' BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema.
KAPITOLU II
SELF TA' KARTI TAL-FLUS U MUNITI EURO GĦAL FRONTLOADING
Artikolu 3
Trasferiment
1. Xi wieħed jew aktar mill-BĊNi ta' l-Ewrosistema, skond kif ikun il-każ, jistgħu jittrasferixxu karti tal-flus u muniti euro lil xi BĊN futur ta' l-Ewrosistema għall-iskop tal-frontloading u r-rekwiżiti għall-introduzzjoni.
2. Il-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi m'għandux jitlob garanzija minn BĊN futur ta' l-Ewrosistema li jirċievi.
3. It-trasferiment ta' karti tal-flus u muniti euro minn BĊN ta' l-Ewrosistema lil xi BĊN futur ta' l-Ewrosistema m'għandhiex issir qabel ma l-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi u l-BĊN futur ta' l-Ewrosistema li jirċievi jkunu ffirmaw ftehim kuntrattwali li jistipulaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida japplikaw għas-self tal-karti tal-flus u muniti euro lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema, u għalhekk se jiġu applikati meta jsiru l-ftehim għall-frontloading u s-sub-frontloading.
4. It-trasferiment tal-karti tal-flus u muniti euro m'għandhiex tibda qabel ma tkun ġiet adottata deċiżjoni dwar l-abrogazzjoni tad-deroga ta' xi Stat Membru mhux parteċipanti, skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat.
5. Wara li jkun ikkonsulta lill-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi, il-BĊE għandu jispeċifika b'mod ċar l-istokks li minnhom għandhom jittieħdu l-karti tal-flus u muniti euro biex jiġu ttrasferiti, u l-isem tal-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi. Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi għandu jiżgura li tkun ittieħdet deċiżjoni biex iforni mill-ġdid dawk l-istokks.
Artikolu 4
Kundizzjonijiet applikabbli għal self ta' karti tal-flus u muniti euro
1. Il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu speċifikati fil-ftehim kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 3(3).
2. Il-volum preċiż, ikklassifikat skond id-denominazzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti euro biex jitqassmu, u l-ħin tat-tqassim, għandhom ikunu speċifikati f'kwalunkwe ftehim kuntrattwali.
3. Il-karti tal-flus u muniti euro għandhom ikunu ttrasportati lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għall-iskop tal-frontloading u r-rekwiżiti għall-introduzzjoni skond ir-regoli dwar is-sigurta' u l-assigurazzjoni li normalment japplikaw għal trasferimenti f'ammonti kbar tal-karti tal-flus u muniti euro bejn il-BĊNi. Ir-riskji tal-qerda, tat-telf u tas-serq tal-karti tal-flus u muniti euro ttrasferiti għandhom igħaddu għall-BĊN futur ta' l-Ewrosistema mill-mument meta l-karti tal-flus u muniti euro iħallu l-kmamar tas-sigurta' tal-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi.
4. BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jħallas l-ispejjeż tat-trasport tal-karti tal-flus u muniti euro minn bejn il-BĊN ta' l-Ewrosistema u hu. Il-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi għandu jiżgura li t-trasport isir b'mod effiċjenti.
5. Jekk xi BĊN futur ta' l-Ewrosistema jkollu bżonn xi trasferiment f'ammonti kbar ta' karti tal-flus u muniti euro mill-Ewrosistema fi tnax-il xhar mid-data tat-tibdil tal-flus kontanti, dawn ir-rekwiżiti se jkunu meqjusa bħala parti mir-rekwiżiti għall-introduzzjoni u, fir-rigward tal-ħlas lura, għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod bħall-karti tal-flus u muniti euro frontloaded, kif stabbilit fil-paragrafi 6 sa 8. Fir-rigward ta' kull aspett ieħor, is-sodisfazzjon ta' dawn ir-rekwiżiti għandu jkun ittrattat bl-istess mod bħala trasferiment f'ammonti kbar.
6. BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu josserva l-obbligi tal-kontabilita' u tar-rappurtar finanzjarju fir-rigward tal-BĊN(i) ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi:
a) |
Matul il-perijodu tal-frontloading/sub-frontloading, il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jirreġistra l-ammont tal-karti tal-flus u muniti euro mibgħuta għall-iskop tal-frontloading (u għar-rekwiżiti għall-introduzzjoni) off-balance sheet skond il-valur nominali tagħhom. |
b) |
Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jirrapporta l-ammont tal-karti tal-flus u muniti euro frontloaded u sub-frontloaded lill-BĊN(i) ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi. |
c) |
Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jirrapporta l-ammont totali (ikklassifikat skond id-denominazzjoni) ta' kull karta tal-flus euro frontloaded jew sub-frontloaded li tkun daħlet fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti, kif ukoll id-data li fiha huwa jkun sar jaf li dik il-karta tal-flus tkun daħlet fiċ-ċirkolazzjoni. |
7. Mid-data tat-tibdil tal-flus kontanti 'il quddiem, BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu josserva l-obbligi tal-kontabilita' u tar-rappurtar finanzjarju li ġejjin:
a) |
Sakemm ma jkunux ġew irreġistrati diġa' skond il-paragrafu 10, il-karti tal-flus euro frontloaded għandhom jiġu rreġistrati bħala elementi on-balance sheet skond id-data tat-tibdil tal-flus kontanti. |
b) |
L-ammont totali tal-karti tal-flus euro frontloaded, esklużi kwalunkwe karti tal-flus li jkunu daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus irrappurtati skond il-paragrafu 6(ċ), għandu jiġi rrappurtat fil-karta tal-bilanċ tal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema fil-figura tal-“karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni”. |
c) |
Id-differenza bejn l-ammont totali tal-karti tal-flus euro frontloaded u l-ammonti tal-karti tal-flus euro frontloaded li jkunu ġew iddebitati fil-kontijiet ta' kontropartijiet eliġibbli frontloaded miżmuma ma' xi BĊN futur ta' l-Ewrosistema skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 għandha tiġi ttrattata bħala self iggarantit u mhux irremunerat mogħti lill-kontropartijiet eliġibbli u li għandu jitħallas minnhom skond l-Artikolu 15. |
8. BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jħallas lura l-karti tal-flus euro li huwa jissellef għall-iskop tal-frontloading, billi jagħti numru u kwalita' ekwivalenti ta' karti tal-flus euro li huwa jipproduċi jew jakkwista, bħala riżultat ta' allokazzjoni lilu fil-produzzjoni tal-karti tal-flus euro ta' l-Ewrosistema għal sena konsekuttiva jew aktar immedjatament wara s-sena li fiha jsir it-tibdil tal-flus kontanti, minbarra s-sehem normali tiegħu fl-allokazzjoni tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro ta' l-Ewrosistema għas-snin rilevanti. Il-kalkolu tan-numru u l-kwalita' ekwivalenti tal-karti tal-flus biex jiħallsu lura se jkun deċiż mill-Kunsill Governattiv. In-numru u l-kwalita' ekwivalenti tal-karti tal-flus biex jiħallsu lura għat-tieni serje tal-euro se jkun ikkalkulat kif stabbilit mill-Kunsill Governattiv fi żmien xieraq.
9. BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jwettaq il-frontloading skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli III u IV. M'għandu jsir l-ebda trasferiment sakemm il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema u xi kontroparti eliġibbli jkunu ffirmaw ftehim kuntrattwali li jinkorporaw dawk il-kundizzjonijiet, sakemm dispożizzjonijiet statutorji nazzjonali dwar il-frontloading jiżguraw li kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Kapitolu III u IV japplikaw għal kontropartijiet eliġibbli kollha.
10. Jekk xi karti tal-flus euro frontloaded jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti, il-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi għandu jirreġistrahom bħala maħruġa u li qiegħdin fiċ-ċirkolazzjoni. Il-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi għandu jirreġistra klejm fil-konfront tal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema li jammonta għall-valur nominali tal-karti tal-flus euro li jkunu daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti. Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jħallas lill-BĊN ta' l-Ewrosistema li jittrasferixxi, remunerazzjoni fuq dik il-klejm. Ir-remunerazzjoni għandha titħallas mid-data meta l-BĊN futur ta' l-Ewrosistema jsir jaf li dawn il-karti tal-flus euro daħlu fiċ-ċirkolazzjoni sa l-ewwel jum ta' negozju ta' l-Ewrosistema wara d-data tat-tibdil tal-flus kontanti. F'dik id-data, l-obbligazzjoni tal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema u r-remunerazzjoni relatata għandha titħallas permezz tat-TARGET jew permezz ta' sistema li tissostitwixxi t-TARGET. Ir-rata ta' referenza għar-remunerazzjoni għandha tkun l-aħħar rata ta' imgħax marġinali disponibbli wżata mill-Ewrosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid skond il-paragrafu 3.1.2 ta' l-Anness I mal-Linja ta' Gwida BĊE/2000/7 tal-31 t'Awwissu 2000, dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema (3). Fil-każ li aktar minn BĊN wieħed ta' l-Ewrosistema jittrasferixxi karti tal-flus euro lil BĊN futur ta' l-Ewrosistema għall-iskop tal-frontloading, il-ftehim kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 3.3 għandhom jispeċifikaw lill-BĊN li jittrasferixxi, li għandu jirreġistra l-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u l-klejm fil-konfront tal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema.
11. BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jirrapporta dan li ġej lill-BĊE:
a) |
L-ammont totali finali ta' karti tal-flus euro frontloaded u sub-frontloaded (ikklassifikat skond id-denominazzjoni); u |
b) |
L-ammont totali finali ta' muniti euro frontloaded u sub-frontloaded (ikklassifikat skond id-denominazzjoni). |
KAPITOLU III
FRONTLOADING
Artikolu 5
Kontropartijiet eliġibbli
L-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stat Membru futur parteċipanti (inklużi fergħat ta' istituzzjonijiet ta' kreditu barranin li jinsabu fl-Istat Membru futur parteċipanti) u uffiċji tal-posta nazzjonali li għandhom kont mal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema tagħhom, għandhom ikunu kkunsidrati eliġibbli biex jirċievu karti tal-flus u muniti euro għall-iskop tal-frontloading, ladarba l-ftehim kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 4(9) ikunu ġew stabbiliti.
Artikolu 6
Trasferiment għal frontloading
1. BĊN futur ta' l-Ewrosistema ma jistax jibda jqassam karti tal-flus u muniti euro għal frontloading qabel ma l-perijodu tal-frontloading/sub-frontloading ikun beda.
2. BĊN futur ta' l-Ewrosistema jista' jagħmel frontloading ta' karti tal-flus u muniti euro skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja ta' Gwida. Il-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro m'għandux jibda qabel ma l-BĊN futur ta' l-Ewrosistema u l-kontroparti eliġibbli li jirċievi jkunu ffirmaw ftehim kuntrattwali li jinkorporaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Kapitolu u l-Kapitolu IV (sakemm regoli u proċeduri ekwivalenti jkunu ġew stabbiliti minn dispożizzjonijiet statutorji fl-Istat Membru futur parteċipanti).
Artikolu 7
Għoti ta' garanzija
1. Il-kontropartijiet eliġibbli li għandhom ikunu frontloaded għandhom jipprovdu lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema tagħhom b'garanzija eliġibbli, kif iddefinit fl-Artikolu 8, biex:
a) |
tkopri l-valur nominali sħiħ tal-karti tal-flus u muniti euro frontloaded; u |
b) |
jiżguraw it-twettiq ta' l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10 li għandhom ikunu inklużi fil-ftehim kuntrattwali bejn il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema u l-kontroparti eliġibbli. |
2. Jekk il-garanzija tiġi inkassata biex jiġi żgurat it-twettiq ta' l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10, il-kontroparti eliġibbli għandha tipprovdi lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema b'garanzija addizzjonali biex tkopri l-valur nominali sħiħ tal-karti tal-flus u muniti euro frontloaded, kif mitlub skond il-paragrafu 1(a).
3. Il-garanzija għandha tkun ipprovduta lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema qabel ma jibda l-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro, u għandha tkopri r-riskji li jqumu mill-bidu tat-trasferiment għall-frontloading.
4. Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jiżgura li l-garanzija hija nfurzabbli kolha kemm hi. Għal dan il-għan huwa għandu jimmobilizza l-garanzija eliġibbli permezz ta' proċeduri xierqa ta' kostituzzjoni ta' garanzija f'manjiera stabbilita fl-Anness I mal-linja ta' Gwida BĊE/2000/7.
5. BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jimplimenta miżuri adegwati ta' kuntroll tar-riskju biex jassorbixxu r-riskji dwar il-frontloading. Huwa għandu jikkonsulta lill-BĊE qabel il-frontloading dwar il-miżuri ta' kuntroll tar-riskju msemmija f'dan l-Artikolu. Meta l-valur tas-suq tal-garanzija eliġibbli huwa aġġustat biex jikkunsidra l-miżuri ta' kuntroll tar-riskju applikati, l-ammont tal-garanzija għandu jkun dlonk aġġustat biex ikopri dejjem il-valur nominali sħiħ tal-karti tal-flus u muniti euro frontloaded li ma jkunux ġew iddebitati fil-kontijiet tal-kontropartijiet eliġibbli mal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema li jkun pprovda l-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro.
6. Il-ftehim kuntrattwali biex jiġu ffirmati qabel il-frontloading għandhom jipprovdu li kontroparti eliġibbli għandha tagħti lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema d-dritt li jinkassa fi flus il-garanzija jekk il-kontroparti eliġibbli frontloaded tikser xi waħda mill-obbligi msemmija f'din il-Linja ta' Gwida bħala kundizzjoni minn qabel għall-frontloading u miftiehma speċifikament bejn il-kontroparti eliġibbli u l-BĊN futur ta' l-Ewrosistema, u jekk il-kontroparti eliġibbli frontloaded ma tħallasx il-penali kuntrattwali stabbiliti fl-Artikolu 10.
Artikolu 8
Garanzija eliġibbli
1. L-attiv eliġibbli kollu għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema kif iddefinit fl-Anness I mal-Linja ta' Gwida BĊE/2000/7 għandu jkun ikkunsidrat bħala garanzija eliġibbli għall-iskopijiet tal-frontloading.
2. Attiv iddenominat kemm fil-valuti nazzjonali ta' l-Istati Membri futuri parteċipanti, jew kemm fil-euro, li jissodisfa l-kriterji uniformi stabbiliti fl-Anness I mal-Linja ta' Gwida BĊE/2000/7 u li huwa eliġibbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja ta' l-Ewrosistema (bl-eċċezzjoni tal-kriterju dwar il-post tal-ħlas u l-valuta tad-denominazzjoni), għandu jkun ikkunsidrat bħala garanzija eliġibbli għall-iskopijiet tal-frontloading. L-attiv għandu jinżamm (imħallas) fiż-żona tal-euro, jew fl-Istat Membru futur parteċipanti, b'sistema domestika ta' ħlas tat-titoli (SSS) evalwata kontra l-“Istandards għall-użu tas-Sistemi ta' Ħlas tat-Titoli ta' l-UE f'operazzjonijiet ta' kreditu tas-SEBĊ” tal-BĊE.
3. Dawn li ġejjin jistgħu jingħataw ukoll bħala garanzija eliġibbli: (a) depożiti ta' flus kontanti ddenominati f'valuta nazzjonali; (b) depożiti ta' flus kontanti f'euro f'kont iddedikat, irremunerat bl-istess rata bħal dik applikata għar-riżervi minimi; jew (ċ) depożiti ddenominati f'valuta nazzjonali jew f'euro u f'forma oħra kkunsidrata xierqa mill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema.
Artikolu 9
Rappurtar
1. Kontroparti eliġibbli għandha tirrapporta lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema:
a) |
l-ammont totali finali ta' karti tal-flus euro sub-frontloaded (ikklassifikat skond id-denominazzjoni); u |
b) |
l-ammont totali finali ta' muniti euro sub-frontloaded (ikklassifikat skond id-denominazzjoni). |
2. Immedjatament hekk kif isir is-sub-frontloading, kontroparti eliġibbli frontloaded għandha tipprovdi lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema tagħha b'informazzjoni dwar l-identita' tat-tielet persuni professjonali li jkunu ġew sub-frontloaded, kif ukoll dwar l-ammonti tal-karti tal-flus u muniti euro sub-frontloaded għal kull konsumatur individwali. Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jittratta din l-informazzjoni bħala kunfidenzjali u għandu jużaha biss biex josserva kif terzi persuni professjonali jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' l-evitar ta' ċirkolazzjoni bikrija ta' karti tal-flus u muniti euro, u għar-rappurtar skond l-Artikolu 4(11).
3. Kontroparti eliġibbli frontloaded għandha tinforma immedjatament lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema li jkun għamel il-frontloading tagħha (li dan imbagħad għandu jinforma lill-BĊE dwar dan):
a) |
jekk hemm raġuni biex wieħed jemmen li xi karti tal-flus euro jew muniti euro frontloaded daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti; u |
b) |
ta' l-ammont totali (ikklassifikat skond id-denominazzjoni) ta' karti tal-flus frontloaded, jekk ikun hemm, li daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti. |
Artikolu 10
Impennji ta' kontroparti eliġibbli fir-rigward tas-sub-frontloading
Qabel ma s-sub-frontloading iseħħ, il-kontropartijiet eliġibbli frontloaded għandhom jaraw li jwettqu sub-frontloading biss skond ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida, liema regoli u proċeduri għandhom ikunu miftiehma bejniethom u t-terzi persuni professjonali li għandhom jiġu sub-frontloaded. Partikolarment, il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu miftiehma qabel ma l-kontroparti eliġibbli tkun tista' tagħmel sub-frontloading:
a) |
Il-kontroparti eliġibbli għandha tiżgura li l-karti tal-flus u muniti euro sub-frontloaded jibqgħu fil-bini tat-terzi persuni professjonali sub-frontloaded, fejn dawn għandhom jinħażnu separatament minn kwalunkwe karti tal-flus u muniti euro oħra, valuta jew proprjeta' oħra, biex jiġi evitat li dawn jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti. Ċirkolazzjoni bikrija bħal din għandha tkun suġġetta għall-ħlas ta' penali kuntrattwali xierqa. |
b) |
Il-kontroparti eliġibbli għandu jaqbel mat-terza persuna professjonali li għandha tiġi sub-frontloaded li din ta' l-aħħar tħalli lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema biex iwettaq verifiki u spezzjonijiet fil-bini tat-terza persuna professjonali sub-frontloaded, sabiex jivverifika l-preżenza tal-karti tal-flus u muniti sub-frontloaded. |
c) |
Il-kontroparti eliġibbli għandu jħallas lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema penali kuntrattwali f'ammont proporzjonali għal kwalunkwe ħsara soffruta, madankollu mhux anqas minn 10 % ta' l-ammont sub-frontloaded jekk: (i) il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema ma jingħatax aċċess biex iwettaq il-verifika u l-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (b); jew (ii) jekk il-karti tal-flus u muniti euro sub-frontloaded ma jinħażnux fil-bini tat-terza persuna professjonali sub-frontloaded kif stabbilit f'dan l-Artikolu. BĊN futur ta' l-Ewrosistema m'għandux jimponi dawn il-penali kuntrattwali: (i) jekk l-Istat Membru futur parteċipanti tiegħu jkun stabbilixxa qafas regolatorju li jipprovdi livell ekwivalenti ta' protezzjoni; jew (ii) bil-kundizzjoni li terza persuna professjonali sub-frontloaded tkun diġa' ħallset penali skond l-Artikolu 16(2)(f). |
Artikolu 11
Aspetti statistiċi
Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tar-Regolament BĊE/2001/13 tat-22 ta' Novembru 2001, dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji (4), BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji fl-Istat Membru tiegħu ma jirreġistrawx elementi u tranżazzjonijiet dwar il-karti tal-flus u muniti frontloaded fil-karta tal-bilanċ tagħhom matul il-perijodu tal-frontloading.
Artikolu 12
Distribuzzjoni lill-fergħat
BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jħalli lill-kontropartijiet eliġibbli biex jiddistribwixxu l-karti tal-flus u muniti euro frontloaded lill-fergħat tagħhom biss fl-Istat Membru futur parteċipanti.
Artikolu 13
Projbizzjoni ta' ċirkolazzjoni bikrija
1. BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jipprojbixxi kontropartijet eliġibbli milli jiddisponu mill-karti tal-flus u muniti euro mogħtija lilhom qabel 00:00 (ħin lokali) fid-data tat-tibdil tal-flus kontanti, sakemm stabbilit mod ieħor minn din il-Linja ta' Gwida. B'mod partikolari, il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jitlob li l-kontropartijiet eliġibbli jaħżnu l-karti tal-flus u muniti euro frontloaded fil-kmamar tas-sigurta' tagħhom separatament minn kwalunkwe karti tal-flus u muniti euro oħra, valuti oħra jew proprjeta' oħra, u b'mod fiż-żgur sabiex tiġi evitata l-qerda, is-serq jew xi kawża oħra ta' ċirkolazzjoni bikrija.
2. Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jiżguraw li m'hemm l-ebda ċirkolazzjoni ta' kwalunkwe karti tal-flus u muniti euro frontloaded qabel id-data tat-tibdil tal-flus.
3. Sabiex tiġi vverifikata l-preżenza tal-karti tal-flus u muniti euro frontloaded u l-ftehim li skondhom il-kontropartijet eliġibbli jwettqu s-sub-frontloading, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jagħtu lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema tagħhom id-dritt biex jivverifika u jispezzjona l-bini tagħhom.
4. Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jaraw li jħallsu l-penali lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema, fil-każ li l-kontroparti eliġibbli jikser l-obbligi dwar il-frontloading, inklużi imma mhux ristretti għat-tqegħid, jew li taġixxi b'mod li twassal biex tqiegħed, karti tal-flus frontloaded fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti, jew għar-rifjut biex issir verifika jew spezzjonijiet. Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jiżgura li dan il-ksur huwa suġġett għal penali kuntrattwali jew statutorji, kif xieraq, pagabbli f'ammont proporzjonali għal xi ħsara soffruta. Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema m'għandux jimponi dawk il-penali jekk l-Istat Membru futur parteċipanti parikolari jkun stabbilixxa qafas regolatorju li jipprovdi livell ekwivalenti ta' protezzjoni.
Artikolu 14
Riskju ta' qerda, telf u serq
Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jassumu r-riskju tal-qerda, it-telf u s-serq tal-karti tal-flus u muniti euro frontloaded mill-mument meta dawn il-karti tal-flus u muniti jħallu l-kmamar tas-sigurta' tal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema. BĊN futur ta' l-Ewrosistema jista' jitlob lill-kontropartijiet eliġibbli jkopru dawn ir-riskji permezz ta' assigurazzjoni adegwata jew permezz ta' kwalunkwe mezzi xierqa oħra. Madankollu, il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema u l-kontroparti eliġibbli għandhom jaqblu li minkejja din l-assigurazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 dwar id-debitar immedjat ta' karti tal-flus u muniti euro frontloaded li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni kmieni u ħlasijiet ta' remunerazzjoni relatati, għandhom japplikaw. Minkejja dan t'hawn fuq, xi BĊN futur ta' l-Ewrosistema u kontroparti eliġibbli jistgħu jaqblu li l-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jieħu ħsieb il-ftehim prattiċi dwar it-trasport tal-karti tal-flus u muniti euro għall-iskop ta' frontloading f'isem u għar-riskju tal-kontroparti eliġibbli.
Artikolu 15
Ddebitar u kkreditar
1. Il-karti tal-flus u muniti euro frontloaded għal kontropartijiet eliġibbli għandhom ikunu ddebitati f' dawk il-kontijiet tal-kontropartijiet miżmuma mal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema tagħhom skond il-valur nominali tagħhom, skond il-“mudell ta' iddebitar lineari” li ġej: l-ammont totali ta' karti tal-flus u muniti euro frontloaded għandu jkun iddebitat fi tliet ħlasijiet ugwali, fid-data tal-ħlas ta' l-ewwel, ir-raba' u l-ħames operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid ta' l-Ewrosistema wara d-data tat-tibdil tal-flus kontanti.
2. Jekk ma jkunx hemm fondi biżżejjed disponibbli f'kont ta' kontroparti eliġibbli frontloaded mal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema li jkun għamel il-frontloading tagħha biex jiġi ddebitat il-kont kif stabbilit fil-paragrafu 1, allura l-kontroparti eliġibbli għandha titqies li tkun kisret l-obbligu tagħha biex tħallas għall-karti tal-flus u muniti euro frontloaded.
3. Il-karti tal-flus u muniti euro ttrasferiti lill-kontropartijiet eliġibbli fid-data tat-tibdil tal-flus kontanti jew wara għandhom ikunu ddebitati fil-kontijiet rispettivi tagħhom ma' BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema skond il-prattika ta' bħalissa ta' l-Ewrosistema. Karti tal-flus u muniti euro irritornati mill-kontropartijiet eliġibbli fid-data tat-tibdil tal-flus kontanti jew wara, għandhom ikunu kkreditati bl-istess mod fil-kontijiet rispettivi tagħhom mal-BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema.
4. Il-karti tal-flus u muniti ddenominati f'valuta nazzjonali u rritornati minn kontropartijiet eliġibbli għandhom ikunu kkreditati fil-kontijiet rispettivi tagħhom mal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema skond il-prattika ta' bħalissa ta' l-Ewrosistema.
5. Jekk il-karti tal-flus u muniti euro jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti, allura l-ammont ta' dawn il-karti tal-flus jew muniti għandu jkun immedjatament iddebitat mill-kontroparti eliġibbli frontloaded bħala kambju ta' flus barranin. Kwalunkwe karti tal-flus euro għandhom ikunu rreġistrati bħala “fiċ-ċirkolazzjoni” fil-kontijiet tal-BĊN ta' l-Ewrosistema li jkun ittrasferihom lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema għall-iskop tal-frontloading. Ir-reġistrazzjoni għandha ssir irrispettivament mir-raġuni għall-karti tal-flus li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti.
KAPITOLU IV
SUB-FRONTLOADING
Artikolu 16
Kundizzjonijiet li japplikaw għat-trasferiment tal-karti tal-flus u muniti euro għas-sub-frontloading
1. Is-sub-frontloading ta' terzi persuni professjonali ma jistax jibda qabel ma l-perijodu tal-frontloading/sub-frontloading ikun beda.
2. Qabel ma kwalunkwe sub-frontloading jista' jibda, il-kontroparti eliġibbli u t-terzi persuni professjonali għandhom jiffirmaw ftehim kuntrattwali li jkopru dan li ġej:
a) |
Sub-frontloading għandu jseħħ għar-riskju sħiħ u r-responsabbilta' tat-terza persuna professjonali u suġġett għal kwalunkwe kundizzjonijiet miftiehma skond din il-Linja ta' Gwida. |
b) |
It-terza persuna professjonali għandha tirrapporta l-karti tal-flus u muniti euro kollha sub-frontloaded lill-BĊE permezz tal-BĊN futur ta' l-Ewrosistema tagħha. |
c) |
It-terza persuna professjonali għandha taħżen karti tal-flus u muniti euro sub-frontloaded kif mitlub skond l-Artikolu 10(a), u m'għandhiex tiddisponi minnhom qabel 00:00 (ħin lokali) fid-data tat-tibdil tal-flus kontanti. |
d) |
It-terza persuna professjonali għandha tagħti lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema tagħha d-dritt biex jivverifika u jispezzjona l-bini tagħha biex jivverifika l-preżenza ta' karti tal-flus u muniti sub-frontloaded. |
e) |
It-terza persuna professjonali għandha tirrappurta lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema l-ammont totali (ikklassifikat skond id-denominazzjoni) ta' karti tal-flus sub-frontloaded, jekk ikun hemm, li jkunu daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tat-tibdil tal-flus kontanti. |
f) |
It-terza persuni professjonali għandha tara li tħallas il-penali lill-BĊN futur ta' l-Ewrosistema fil-każ li t-terza persuna professjonali tikser l-obbligi dwar is-sub-frontloading, inklużi imma mhux ristretti għal ksur ta' l-obbligu stabbilit fil-paragrafu (ċ) jew għaċ-ċaħda li tħalli milli jseħħu verifika jew spezzjonijiet, kif imsemmi fil-paragrafu (d). Ksur bħal dan għandu jkun suġġett għal penali kuntrattwali jew statutorji, kif xieraq, pagabbli f'ammont proporzjonali għal xi ħsara soffruta, madankollu mhux anqas minn 10 % ta' l-ammont sub-frontloaded. Il-BĊN futur ta' l-Ewrosistema m'għandux jimponi dawn il-penali jekk l-Istat Membru futur parteċipanti partikolari jkun stabbilixxa qafas regolatorju li jipprovdi livell ekwivalenti ta' protezzjoni. |
Artikolu 17
Esklużjoni tal-pubbliku ġenerali
1. BĊN futur ta' l-Ewrosistema għandu jipprojbixxi lill-kontropartijet eliġibbli milli jagħmlu sub-frontloading tal-karti tal-flus u muniti euro lill-pubbliku ġenerali.
2. Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma jipprojbixxix il-forniment lill-pubbliku ġenerali ta' starter kits ta' muniti li jinkludu ammonti żgħar ta' muniti euro ta' denominazzjonijiet differenti, kif speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f'xi Stati Membri futuri parteċipanti, skond kif ikun il-każ.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Verifika
BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema għandhom jissottomettu lill-BĊE kopji ta' kwalunkwe strumenti legali u miżuri adottati fl-Istati Membri tagħhom fir-rigward ta' din il-Linja ta' Gwida mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tal-perijodu tal-frontloading/sub-frontloading, madankollu mhux qabel ma tkun ittieħdet kwalunkwe deċiżjoni dwar l-abrogazzjoni tad-deroga fir-rigward ta' dak l-Istat Membru.
Artikolu 19
Muniti euro
Huwa rrikkmandat li BĊNi futuri ta' l-Ewrosistema għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja ta' Gwida għall-muniti euro sakemm stabbilit mod ieħor fil-qafas imwaqqaf mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom.
Artikolu 20
Dispożizzjonijiet finali
1. Din il-Linja ta' Gwida għandha tidħol fis-seħħ fid-19 ta' Lulju 2006.
2. Din il-Linja ta' Gwida hija indirizzata lill-BĊNi ta' Stati Membri parteċipanti.
Magħmul fi Frankfurt am Main, nhar l-14 ta' Lulju 2006.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 (ĠU L 346, 29.12.2005 p. 1).
(2) ĠU L 126, 26.5.2000, p. 1.
(3) ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1. Linja gwida kif l-aħħar emendate mal-Linja gwida BĊE/2005/17 (ĠU L 30, 2.2.2006, p. 26).
(4) ĠU L 333, 17.12.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2181/2004 (BĊE/2004/21) (ĠU L 371, 18.12.2004, p. 42).